L-aħbar li ħarġet baxx, baxx din il-ġimgħa li l-Gvern Laburista tefa’ piż enormi ta’ €360 miljun fuq il-poplu hekk kif għamel garanzija biex jagħmel tajjeb għall-bini tal-power station tal-gass mill-konsorzju privat Electrogas qed titqies minn sorsi qrib is-settur finanzjarju li tkellmet magħhom il-gazzetta Il-Mument bħala turija li l-miri stabbiliti fil-pjan tal-gvern fil-qasam tal-enerġija fallew.
L-istess sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument saħqu li “L-investiment se jkun qed jagħmlu l-poplu Malti u Għawdxi, b’riskju kbir, u l-profitti se teħodhom kumpanija privata ladarba jkun lest il-proġett.” L-istess sorsi rrimarkaw li dawn il-flejjes kollha setgħu ġew utilizzati ferm aħjar f’bosta oqsma li fil-pajjiż qed jirreġistraw rigress fosthom is-setturi tas-saħħa, l-infrastruttura u t-trasport u oqsma oħra bħall-edukazzjoni, fejn inizjattivi ġodda waqgħu lura.
L-istess sorsi kkritikaw lill-Gvern Laburista li bla mistenni, mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn u bla ma ġiet infurmata l-Oppożizzjoni ħabbar li se jkun qed jagħmel garanzija bankarja ta’ €360 miljun għall-kumpanija privata ElectroGas li rebħet id-dritt li tibni power station tal-gass.
L-istess sorsi osservaw it-tħassib li kien saħansitra evidenti kemm fuq wiċċ il-Ministru Edward Scicluna u l-Ministru Konrad Mizzi waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li taw nhar l-Erbgħa li għadda; l-għada li baxx baxx ħarġet l-aħbar li l-Gvern se jkun qed jagħmel tajjeb bi flus il-poplu għall-investiment ta’ kumpanija privata. “Iż-żewġ Ministri kienu jidhru viżibbilment skomdi ħafna waqt il-konferenza tal-aħbarijiet” saħaq sors partikolari.
Il-Mument tgħid wkoll li s-sorsi tagħha rrimarkaw li t-tluq tal-kumpanija Gasoil mill-korsorzju Electrogas huwa konferma oħra mal-fatturi l-oħra marbuta mal- finanzjament tal-power station tal-gass, kemm f’dan il-proġett jeżiżti nuqqas serju ta’ due diligence li kellu jsir qabel mal-Electrogas ingħata l-kuntratt.
Sors ieħor semma li l-garanzija ta’ €360 miljun li ta l-Gvern lill-konsorzju privat Electrogas hija preċedent serju ħafna li jista’ jwassal biex kumpaniji oħra privati li kellhom interess li jibnu l-power station jieħdu lill-Gvern il-Qorti biex jingħataw rimedju, kumpens finanzjarju, minħabba li dan ma kienx magħruf waqt il-proċess tal-għażla.
//= $special ?>

