Lokali

Il-każ ta’ Joe Sammut deskritt bħala ‘a can of worms’ għal Partit Laburista u l-BoV

Argument fil-Partit Laburista dwar x’għandu jsir fid-dawl tal-allegazzjonijiet fil-konfront tal-eks Teżorier u eks Kandidat Laburista Joe Sammut. Dan hekk kif il-Pulizija kienet qed tinvestiga lil Sammut dwar rapporti li kien qed jgħin Libjani biex jakkwistaw permess għal residenza f’Malta permezz t’attivitajiet illegali u billi joħloq kumpaniji fittizji.

Il-ġurnal The Malta Independent on Sunday f’rapport ippubblikat qal li fi ħdan il-Partit Laburista għaddej dibattitu dwar x’għandu jkun il-pass li jmiss tal-Partit Laburista f’dan il-każ li fi kliem The Malta Independent, mistenni li jfeġġu dettalji ġodda u ikkumplikati aktar minn qatt qabel dwar il-Partit Laburista u l-Bank of Valletta.

Dan filwaqt li The Malta Independent tiżvela wkoll li l-Ġimgħa, l-Pulizija ikkonfiskaw numru kbir ta’ dokumenti dwar ċittadini Libjani u Filippini minn Evans Building fil-Belt Valletta, filwaqt li kienu interrogati aktar nies b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-każ kollu hu dwar sistema li l-eks Teżorier Laburista Joe Sammut kien qed juża, fejn bi ħlas ta’ 7,500 Ewro kien qed jirreġistra kumpaniji fittizji għal Libjani maħrubin. Dan peress li meta wieħed joħloq kumpanija f’Malta, awtomatikament ikollu dritt għall-permess tar-residenza. B’dan il-mod, kien rappurtat li Joe Sammut ħoloq mat-850 kumpanija, jiġifieri 850 barrani li ngħataw permess ta’ residenza f’Malta wara allegat proċessi irregolari min-naħa ta’ Joe Sammut.

Dwar il-Bank of Valletta the Malta Independent tgħid li jekk il-Pulizija jressqu lil Joe Sammut il-Qorti, kif filfatt hu mistenni li jsir, il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat se jispiċċa dahru mal-ħajt – peress li fil-Qorti se jkunu żvelati dettalji dwar il-mod kif Joe Sammut irnexxielu jiftaħ minn tal-inqas 850 kont tal-Bank of Valletta għal dawn il-Libjani mingħajr ma sar id-due-diligence neċessarju li kellu jsir mill-bank.

Jekk Joe Sammut jitressaq il-Qorti, tkompli tirrapporta l-Independent, iċ-chairman tal-BOV John Cassar White ikollu jixhed taħt ġurament kif dawn l-individwi irnexxielhom jgħaddu mill-iskrutinju finanzjarju tal-BOV u jekk kienx hemm pressjoni politika min-naħa ta’ Joe Sammut biex seta’ isir dan.