Se jkun il-Partit Nazzjonalista li se jiddefendi l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin – Simon Busuttil
Il-konsegwenzi tal-irresponsabbilta’ ta’ Joseph Muscat se jibqgħu magħna għal 20 sena oħra u dan peress li Joseph Muscat qed jintrabat li jixtri l-elettriku mill-Electrogas meta l-prezz jista’ jkun orħos minn bnadi oħra. F’dan id-dawl, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddefendi l-interess nazzjonali u l-interess tal-familji Maltin u Għawdxin, kemm quddiem l-Awditur Ġenerali kif ukoll quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’kollegament telefoniku fuq Radio 101 dalgħodu. Hu ddedika ħafna mill-ħin tal-kollegament jitkellem dwar l-aħbar xokkanti li ħarġet aktar kmieni din il-ġimgħa, jiġifieri dik tal-garanzija bankarja ta’ €360 miljun li t-taxpayer Malti u Għawdxi qed ikollu jagħmel tajjeb għaliha.
Simon Busuttil qal li l-fatt li l-Gvern jagħmel tajjeb lil negozju privat huwa bla preċedent. Hu spjega kif dan huwa piż kolossali ta’ €2,500 fuq kull familja Maltija u Għawdxija. Hu rrefera għaż-żewġ wegħdiet ta’ Joseph Muscat li falla fit-tnejn li huma, jiġifieri kemm li jibni l-powerstation sa Marzu li għadda, kif ukoll li jsib investiment privat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-garanzija statali saret biss għax mingħajr il-garanzija, il-banek ma kienux isellfu l-flus biex tinbena l-powerstation. “Mingħajr il-powerstation, Joseph Muscat ikollu jirriżenja. Jiġifieri l-garanzija qed issir biss biex Joseph Muscat isalva ġildu,” qal Simon Busuttil. Hu kompla jispjega kif il-poplu Malti u Għawdxi m’għandux bżonn din il-powerstation għaliex pajjiżna diġa’ jiġġenera elettriku aktar milli hemm bżonn. Hu sostna li l-kontijiet tad-dawl raħsu mhux għax inbniet powerstation, iżda bis-saħħa tal-BWSC u tal-interconnector. “Dan ifisser li l-powerstation se tinbena mhux għax hemm bżonnha, imma għax jekk ma tinbeniex ikollu jirriżenja Joseph Muscat,” spjega Simon Busuttil.
Simon Busuttil sostna li l-powerstation mhix vijabbli għaliex li kieku kienet vijabbli, il-banek kienu jisilfu l-flus, mingħajr il-garanzija tal-Gvern. Hu spjega kif id-deċiżjoni tal-garanzija bankarja hija diskriminatorja kemm man-negozji kif ukoll mal-familji. “L-ebda negozju m’għandu garanzija mill-Gvern li jekk ifalli, jħallaslu l-Gvern; u l-ebda familja m’għandha garanzija tal-Gvern meta tixtri dar,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Hu qal li dan huwa att ta’ manipulazzjoni u mibni fuq nuqqas ta’ trasparenza, u dan peress li tħabbret fil-weekend ta’ Santa Marija, bla dokumentazzjoni ta’ xejn u mibnija fuq taħwid kbir u gideb.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-fatt li l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa anqas minn nofs dak li kien fl-aħħar leġiżlatura, iżda minkejja dan il-fatt, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxi mhux igawdu minn dan ir-roħs. “Il-Maltin u Għawdxin għadhom iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-petrol u d-diesel fl-Unjoni Ewropea, ħlas li huwa taxxa għall-inkompetenza ta’ dan il-Gvern,” spjega l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar tal-kollegament telefoniku, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li ġimgħa ilu, hu poġġa 8 sfidi quddiem il-Prim Ministru dwar l-iskandlu Gaffarena-Kastilja-Zammit. “Il-Prim Ministru ħarab mill-isfidi li għamiltlu u ma ta ebda risposta dwarhom. Dan huwa Prim Ministru li hu dgħajjef quddiem il-korruzzjoni, u qed imexxi l-aktar Gvern korrott miż-żminijiet ta’ Mintoff u Lorry Sant,” qal Simon Busuttil.
Simon Busuttil temm jgħid li l-interess ta’ Joseph Muscat jirbaħ quddiem l-interess nazzjonali, u li huwa arroganti u li jaħseb li l-kaxxa ta’ Malta hija l-moneybox tiegħu.
Fil-bidu tal-kollegament telefoniku, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista awgura fejqan ta’ malajr lill-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Godfrey Farrugia li bħalissa jinsab rikoverat l-Isptar.
//= $special ?>

