Fil jiem li għaddew ingħatat ordni biex meta jinqabad xi immigrant irregolari f’pajjiżna, qabel tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk dan jintbagħatx lura jew le, għandu jsir magħruf jekk dan l-immigrant l-ewwel għandux flus biex iħallas il-passaġġ lura lejn pajjiżu.
Jirriżulta li kemm-il darba l-immigrant irregolari jkollu l-mezzi biex jitħallas il-passaġġ lura lejn pajjiżu, dan jitkeċċa minn Malta. Iżda jekk il-każ jirriżulta li l-immigrant irregolari ma jkollux il-mezzi finanzjarji biex iħallas il-biljett tal-ajru, allura dan jinħeles mill-ġdid!
Sorsi li tkellmu ma’ il-gazzetta Il-Mument fissru taħt kunfidenzjalità stretta li f’direzzjoni ċara li ħarġet mill-Uffiċċju ta’ Andrew Seychell, il-konsulent tal-Korp tal-Pulizija li qed jissemma wkoll bħala l-persuna li se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Korp tal-Pulizija – din il-miżura se tkun qed tittieħed minħabba li l-Korp tal-Pulizija m’għandux flus x’jonfoq biex immigranti rregolari jintbagħtu lura lejn pajjiżhom, la bi skorta ta’ Pulizija kif suppost u anqas waħedhom. Dan l-aħħar żvilupp jikkonferma kemm is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Korp tal-Pulizija hi mwiegħra għall-aħħar.
Madankollu din id-deċiżjoni maħruġa mill-uffiċċju tal-eks Deputat Kummissarju Andrew Seychell dwar kif il-Pulizija se tipproċedi fir rigward tal-immigranti rregolari tqajjem tħassib kbir. Kif jista jkun li d-deċiżjonijiet jittieħdu fuq il-bażi jekk il-Korp tal-Pulizija għandux flus jew le.
Il-fatt li deċiżjoni bħal din inħarġet mill-uffiċċju tal-eks Deputat Kummissarju Andrew Seychell u mhux mill-Kummissarju tal Pulizija Michael Cassar turi bl-aktar mod ċar kif il-Korp tal-Pulizija qiegħed jitmexxa u tqajjem mistoqsijiet dwar min qiegħed imexxi l-Korp u min qiegħed jinfluwenza l-operat tal-Korp tal-Pulizija.
Il-gazzetta Il-Mument fil-ġimgħat li għaddew irrapportat diversi drabi kif il-qagħda finanzjarja tal-Korp tal-Pulizija hi f’diffikultajiet serji tant li mhux biss twaqqaf kważi s-sahra kollu tat-taqsimiet kollha fil-Korp, iżda l-Korp anqas biss fadallu flus biex jixtri l-aktar affarijiet u oġġetti importanti biex ikun jista’ jiffunzjona kif mistenni.
Il-Korp tal-Pulizija tant qed iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjoni finanzjarja diffiċli li anqas taqsimiet bħal dik ta’ kontra d-droga ma jistgħux jiffunzjonaw kif jixtiequ minħabba li l- membri tagħha anqas biss qed jitħallew jagħmlu s-sahra u l-investigazzjonijiet isiru bis- sulluzzu.
Membri tat-Taqsima ta’ Kontra d-Droga jistqarru li, anki bit-tluq ta’ nies b ‘esperjenza kbira, it-Taqsima qed tkun inqas effettiva milli kienet qabel. “Illum kollox idur mal-finanzi; jekk hemm il-finanzi l-affarijiet u l investigazzjonijiet isiru, jekk le, allura ma jsirux.
Taqsima oħra fil-Korp li qed tbati ħafna minħabba n-nuqqas ta’ finanzi hi dik tal- Mobile fejn fil-preżent hemm għadd ġmielu ta’ karozzi tal-Pulizija tal-Mobile weqfin fil-Garaxx tal-Pulizija jistennew biex issirilhom it-tiswija meħtieġa biex jirritornaw fit-toroq. F’ċerti okkażjonijiet fil-jiem li għaddew, l-għadd ta’ karozzi tal-Mobile tal-Pulizija fit-toroq kont tgħoddhom fuq id waħda. Jiġifieri ferm inqas karozzi għal rondi fit-toroq u Pulizija wieqfa milli jagħmlu l-veru xogħol tagħhom.
Membri tal-Korp tal-Pulizija qalulna li mhux biss il-Pulizija qatgħu qalbhom milli jieħdu l-arretrati dovuti lilhom għaliex m’hemmx flus fil-Korp, imma llum anki biex jilbsu uniformi diċenti jridu joqogħdu attenti għax kemm-il darba titqattalhom xi parti minnha, jintalbu jaraw x’se jagħmlu għaliex anki flus biex jinxtraw ħwejjeġ bħala parti mill-uniformi m’hemmx.
Fizzjal anzjan li fil-jiem li għaddew tkellem ma’ il-mument qalilna li hu li mmilita għal snin twal ħafna fil-Korp, illum jiddispjaċih ħafna meta jara lill-istess Korp idub. “Imexxu l-Korp nies li anqas għandhom l-iċken idea ta’ kif isiru l-affarijiet f’Korp ta’ dixxiplina. U agħar minhekk, meta għandek sitwazzjoni fejn min suppost qiegħed fit-tmun, jiġifieri l-Kummissarju tal-Pulizija, ma jgawdix il-fiducja tal-Ministru b’konsegwenza li għandu jdejh marbuta milli jaħdem kif jixtieq u jrid.”
//= $special ?>

