Sandro Chetcuti, l-President tal-Malta Developers Association jgħid li hu għadu qed jistenna sabiex jixtri art viċin iż-żona taż-Żonqor f’Marsascala għall-valur ta’ 2.4 miljun Ewro. Iżda jgħid wkoll li din l-art m’għandha x’taqsam xejn maż-żona fiż-Żonqor fejn il-gvern irid jibni l-Univerista’ Amerikana tal-investituri Ġordaniżi.
Sandro Chetcuti spjega dan f’kummenti lill-MaltaToday.
Hu qal li lura fl-2006 kien kważi wasal biex jagħlaq il-ftehim għax-xiri ta’ din l-art li għanda kobor ta madwar sebat elef u tmin mitt metru kwadru. Spjega wkoll kif l-art, żona li għadha m’hix żviluppata, hi parti minn żona fil-ponta ta’ Marsascala li diġa’ hi mibnija u ma tagħmilx parti mill-art fejn il-gvern irid jibni l-Universita’ Amerikana.
Skont il-Malta Today in-negozju ta’ din l-art Chetcuti kien qed jagħmlu ma’ Anthony Camilleri, li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni, u ma’ Garnet Investments. Iżda, fl-2008, jirriżulta li minħabba li parti mill-art ħadd ma kien jaf ta’ min hi, in-Nutar li kien qed jrrapreżenta lil Sandro Chetcuti, l-membru parlamentari Laburista, Charles Mangion, kien qallu sabiex jiftaħ applikazzjoni fil-Qorti.
Dan sabiex tkun il-qorti li tieħu r-responsabbilta’ ta’ dik l-art li ħadd ma kien jaf ta’ min kienet.
Fil-kummenti tiegħu Sandro Chetcuti qal li hu għadu nteressat li jixtri din l-art. Iżda ħalef fuq uliedu li l-interess tiegħu f’din l-art m’għandu x’jaqsam xejn mal-proġett tal-universita’ Amerikana fiż-Żonqor.
F’Novembru tas-sena l-oħra, Sandro Chetcuti kien qabel mal-proposta tal-gvern li jinbnew tlett lukandi minn Smart City għaż-Żonqor, fuq art li hu ddeskriva bħala mitluqa u mingħajr użu.
Il-proposta li jinbnew dawn it-tlett lukandi kienet saret mill-privatisation unit tal-gvern fuq talba tal-kunsill konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta mmexxi mill-membru parlamentari Laburista Silvio Parnis.
//= $special ?>

