Lokali

Il-Prim Ministru ma’ juri ebda forma ta’ tħassib dwar il-garanzija bankarja ta’ 360 Miljun Ewro

Garanzija ta’ investiment, garanzija li ser nużaw id-dawl. Kien dan kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta l-Ħadd filgħodu kien qiegħed jitkellem waqt intervent telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Laburista One Radio.

Fl-intervent tiegħu Joseph Muscat bl-aktar mod ċar wera li ma’ kellu ebda forma ta’ tħassib dwar il-garanzija bankarja ta’ tlett mija u sittin miljun Ewro li biha l-gvern Laburista kien qiegħed jgħabbi lil poplu Malti tant li Muscat saħaq li l-garanzija kienet biss garanzija ta’ xahrejn sabiex il-gvern Laburista jkun jista’ jkompli bil-proġett tiegħu tal-Power Station ġdida f’Delimara.

Il-Prim Ministru wissa li l-gvern Laburista kien qiegħed jaħdem fuq l-iżvilupp ta’ bank ta’ l-iżvilupp u li sabiex jiġi żviluppat dan it-tip ta’ bank kien meħtieġ li l-gvern jagħti dawn ix-xorta ta’ garanziji.

Muscat sostna li għalih il-qofol ta’ kollox kien il-fatt li l-gvern kien raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u b’hekk in-nies kienu qegħdin igawdu l-flus fil-but. Fl-istess ħin huwa m’għamel ebda referenza għal prezzijiet tal-fjuwil f’pajjiżna meta komparati mal-prezz internazzjonali taż-żejt.

Joseph Muscat qal li l-ekonomija Maltija kienet għaddeja b’rittmu qawwi li jikkreja x-xogħol iżda fl-istess nifs saħaq li f’pajjiżna kien hemm min ma’ kienx qiegħed jitħallas daqs kemm wieħed jistenna.

Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista saħaq li Joseph Muscat jinsab dahru mal-ħajt jiddefendi d-deċiżjoni unika u bla preċedent, li l-Gvern, minn flus il-poplu Malti u Għawdxi, jagħti garanzija bankarja lill-privat – piż kolossali ta’ 360 miljun Ewro fuq il-poplu Malti u Għawdxi. Hu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna stess li qed jgħid li din il-garanzija bankarja hija unika u li bħalha qatt ma saret qabel sostna l-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista ttemm tgħid li l-familji Maltin u Għawdxin jinsabu rrabjati għall-fatt li huma spiċċaw jirriskjaw 2,500 Ewro kull familja mingħajr konsultazzjoni, u għal proġett li qed isir biss biex isalva ġild il-Prim Ministru. Quddiem dan kollu, Muscat qed ikompli jippersisti bil-gideb tiegħu.