Is-swali l-ġodda li qed jinbnew fl-Isptar Mater Dei u li se jakkomodaw madwar 68 sodda fid-Dipartiment tal-Emerġenza mhux se jkunu s-soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-pazjenti fil-kurituri. Dan għaliex is-soluzzjoni reali u fit-tul għandha tkun investiment fis-saħħa fil-komunità biex hekk tonqos il-pressjoni minn fuq Mater Dei.
Is-sitwazzjoni “allarmanti” fl-Isptar Mater Dei fil-kuntest tal-infermiera kienet diskussa waqt intervista mal-President tal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Maria Cutajar fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa ta’ Il-Mument.
Il-President tal-MUMN qalet li l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw l-infemiera huma n-nuqqas ta’ infermiera u s-support staff. Fost l-isptarijiet u residenzi li huma koperti minn infermiera hemm l-Isptar Mater Dei, ir-Residenza San Vinċenz, is-settur tal-kura primarja, l-Isptar Monte Carmeli, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar tal-Onkoloġija. Il-President tal-MUMN tenniet li hemm bżonn madwar 300 infermier ġdid kull sena biex is-setturi tas-saħħa jkunu koperti bl-ammont ta’ infermiera meħtieġa biex jaqdu l-isptarijiet kollha.
Maria Cutajar spjegat li quddiem l-isfidi li għandhom l-infemiera, l-MUMN kitbet lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa fejn kien spjegat lilu l-problemi li qed jiltaqgħu magħhom l-infermiera.
Bla dubju li l-problema ewlenija hi n-nuqqas ta’ spazju u sodod bil-konsegwenza li l-pazjenti qed jispiċċaw fil-kurituri. Maria Cutajar qalet li s-sitwazzjoni bħalissa hi allarmanti għaliex prattikament l-Isptar Mater Dei hu mimli u m’hemmx fejn jitpoġġew iktar pazjenti fil-kurituri. Is-sitwazzjoni hi waħda li fiha qed jinfetħu kurituri iżda wara ċertu perjodu jerġgħu jingħalqu.
Maria Cutajar spjegat li s-sitwazzjoni li hemm bħalissa mhix marbuta mas-sajf jew ma’ kundizzjoni partikolari għaliex il-problema tmur lura għal diversi snin. Mistoqsija dwar kif tqabbel is-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei ma’ dik tal-Isptar San Luqa, Maria Cutajar wieġbet li l-mod kif kien mibni l-Isptar San Luqa kien jiflaħ li l-pazjenti jitpoġġew f’nofs is-swali u għalhekk ma kinux jitpoġġew fil-kurituri. F’Mater Dei, is-sitwazzjoni hi differenti għaliex il-binja hi waħda differenti fejn m’hemmx swali kbar kif kien hemm fl-Isptar San Luqa.
“Il-kurituri mhumiex post in-nies,” saħqet Maria Cutajar li spjegat li l-akbar soluzzjoni għal din il-problema mhix li jinbnew swali ġodda, iżda li jkun hemm pjani ġodda għat-tisħiħ tal-kura fil-komunità.
Problema oħra li qed twassal biex iktar nies jipiċċaw fil-kurituri huma l-każi soċjali. Maria Cutajar spjegat li l-ġimgħa li għaddiet kien hemm madwar 140 każ soċjali li fih il-pazjenti, fil-maġġoranza assoluta anzjani, ma jkollhomx fejn imorru u min lest li jieħu ħsiebhom. Importanti wkoll, sostniet Maria Cutajar li jiddaħħal iktar il-kunċett ta’ infermiera fil-komunità biex b’hekk il-pazjenti jkunu jistgħu jingħataw kura fi djahrom.
Dwar it-taqsima l-ġdida li qed jibni l-gvern u li se tilqa’ 68 sodda ġdida fl-Emerġenza, il-President tal-MUMN qalet li din mhix se ssolvi l-problema fuq perijodu fit-tul iżda se ssolvi biss il-problema b’mod temporanju. Il-veru soluzzjoni għandha tkun it-tisħiħ tal-kura fil-komunità, sostniet Maria Cutajar li appellat għall-ippjanar fit-tul fis-settur tas-saħħa.
Maria Cutajar qalet l-isfidi l-ġodda li qed jiffaċċjaw l-infermiera fir-Residenza San Vinċenz li issa saret kunsidrata bħala long term facility. Dan qed jibdel il-kunċett ta’ San Vinċenz għaliex ifisser impenji ikbar mill-infermiera u tibdil fil-kunċett tar-Residenza. Konxji mill-problemi li hemm f’din ir-Residneza, l-MUMN bdiet diskussjonijiet mal-gvern biex isir studju għal soluzzjonijiet.
Mistoqsija dwar l-ingaġġ ta’ infermiera barranin, Maria Cutajar qalet li mhux faċli li jinstabu infermiera barranin biex jiġu jaħdmu Malta għaliex il-pagi u l-kundizzjonijiet mhumiex ta’ livell ogħla minn dak li hemm barra minn Malta. “Li qed jiġri għalhekk hu li numru ta’ infermiera barranin qed jiġu jaħdmu Malta għal ċertu perijodu biss bil-konsegwenza li l-problema fil-fatt ma tkunx issolviet. Irid ikun ikkunsidrata wkoll li kull sena qed jiggradwaw madwar 150 infermier ġdid, li bla dubju mhumiex biżżejjed biex ilaħħaq mal-ħtiġiet fis-settur tas-saħħa. Il-problema ta’ nuqqas ta’ infermiera mhix problema ta’ Malta biss iżda hi problema internazzjonali.” Dwar l-infermiera Spanjoli li kienu ġew Malta, Maria Cutajar qalet li dawn ġew jaħdmu Malta għaliex f’pajjiżhom kien hemm kriżi.
Din is-sitwazzjoni qed twassal għal waħda li fiha l-infermiera qed ikollhom pressjonijiet qawwija fuq il-kundizzjonijiet tagħhom u fuq il-kwalità ta’ xogħol u obbligi li huma jridu jwettqu mal-pazjenti. Minkejja dawn id-diffikultajiet, l-infermiera Maltin qed jaqdu d-doveri tagħhom b’korrettezza. Din is-sitwazzjoni diffiċli mhix qed iżżomm lill-infermiera fl-isptarijiet milli jagħmlu iktar minn dak mitlub minnhom mal-pazjenti.
//= $special ?>