Internazzjonali

Jgħib ajruplan tal-passiġġieri fl-Indoneżja

Ajruplan Indoneżjan tat- ‘Trigana Air’ b’54 persuna abbord kien rappurtat nieqes fir-reġjun ta’ Papua.
L-ajruplan tat-tip ATR-42 turboprop kien fuq titjira interna u minnufih ingħata bidu għal tfittxija għalih imma din kienet sospiża wara li dalam fir-reġjun. L-ajruplan għeb fuq zona remota mimlija foresti.
Abbord kien hemm ukoll ħamest itfal. Għaxar minuti qabel ma għeb, l-ajruplan talab għall-permess biex jinżel fl-ajruport ta’ Oksibil u mbagħad ma nstema’ xejn aktar dwaru.
L-ajruplan kien telaq mill-ajruport tal-kapitali reġjonali ta’ Jayapura, dirett lejn il-belt ta’ Oksibil fin-Nofsinhar tar-reġjun.
Is-suspetti ewlenin huma li l-ajruplan iġġarraf minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp. Iz-zona fejn għeb hi waħda muntanjuża ħafna u fejn it-temp jinbidel minn bnazzi għal maltemp mingħajr twissija.