Raġel Amerikan minn Pennsylvania li qatta’ 34 sena fil-ħabs għall-istupru u qtil ta’ tifla ta’ 15 il-sena għadu kemm ġie lliberat wara li l-provi ġodda tad-DNA xeħtu dawl differenti fuq il-każ tiegħu.
Lewis Fogle, li għandu 63 sena, kien instab ħati dwar id-delitt fl-1982 u fl-aħħar snin ressaq appell wara l-ieħor biex jinsisti li hu innoċenti mill-akkużi miġjuba kontrih.
Intant, Imħallef f’Indiana ( Pennsylvania) sa fl-aħħar annulla l-kundanna ta’ Fogle li issa ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija ta’ $25,000. Dan waqt li tibqa’ pendenti d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali tad-Distrett ta’ Indiana, Patrick Dougherty, dwar jekk Fogle jgħaddix minn ġuri ġdid b’konnessjoni ma’ qtil involontarju jew mhux premeditat. Id-deċiżjoni ta’ Dougherty għandha tingħata fl-14 ta’ Settembru.
Lewis Fogle, li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal għomru, fl-aħħar sigħat ħareġ mis-State Correctional Institution Pine Grove, f’Pennsylvania, fejn sab jilqgħuh il-membri tal-familja.
It-testijiet tad-DNA kixfu l-provi ‘li jeskludu lil Fogle mid-delitt filwaqt li jindikaw raġel ieħor (mhux identifikat)’ fil-każ ta’ Deann ‘Kathy’ Long, il-vittma tal-qtil u stupru brutali li jmur lura għall-1976.
Dan qaluh kelliema għall-Innocence Project, il-grupp li jaħdem għall-ġustizzja man-nies li qed ibatu b’kaġun ta’ deċiżjoni jew kundanna żbaljata tal-qorti.
L-Avukat Ġenerali Dougherty qabel dwar il-provi ġodda tad-DNA fil-każ ta’ Fogle u ssieħeb mal-avukati tal-Innocence Project fis-sejħa biex titneħħielu l-kundanna.
Iżda Dougherty ma jemminx li Fogle hu, fil-fatt, innoċenti minn sehem ‘f’kumplott intiż biex Long tispiċċa stuprata u maqtula’. Għaldaqstant hu se jkompli jfittex għal provi speċifiċi bl-iskop li Fogle, ‘il quddiem, jgħaddi minn proċess tal-qorti ġdid.
//= $special ?>