Lokali

RITRATTI: Numru ta’ karikaturi ta’ min wieħed jixtarr fil-ġurnali

Għal ġimgħa oħra, il-ġurnali tal-Ħadd jipprovdu sensiela ta’ karikaturi li ta’ min wieħed jixtarr, u li permezz tat-tpinġija jwasslu messaġġ dwar is-sitwazzjoni politika tal-pajjiż.

Gazzetti il-Hadd 16 Awissu-6495

Il-ġurnal ILLUM b’karikatura tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li jidher ċar li qed jipprova jtellaq – iżda qed isib diffikultajiet kbar biex jagħmel dan minħabba t-toqol ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ħa – fost dawn deċiżjonijiet dwar meritokrazija u b’rabta mal-Korp tal-Pulizija, l-Ambjent u l-iskandlu Gaffarena.

Fost dawk li jidhru li qed jagħtu s-sapport lil Muscat waqt it-tellieqa, persuna b’kartellun f’idu: “From China With Love”.

Gazzetti il-Hadd 16 Awissu-6496

Il-karikatura fil-ġurnal The Sunday Times of Malta b’messaġġ ċar: Konrad Mizzi, il-Ministru tal-Enerġija, m’huwiex ‘fit for purpose’. Fil-karikatura, Konrad Mizzi jidher inkwetat wara l-blackout li kellu pajjiżna l-ġimgħa li għaddiet, bil-Ministru Mizzi jwaħħal fi Sqallija.

Idejn Konrad Mizzi jidhru fuq l-iswitch tal-interconnector, b’referenza għal fatt li l-blackout seħħet peress li l-Gvern prova jiffranka l-flus bl-użu tal-interconnector biss.

Gazzetti il-Hadd 16 Awissu-6506

The Malta Independent b’karikatura ta’ wieħed mill-kuriduri fl-isptar Mater Dei, fejn il-pazjenti fuq soddod fil-kuriduri jgħidu lil xulxin: “ftit oħra, suppost daqt imexxuna f’sala. Qrajt li Konrad Mizzi ta garanzija ta’ 360 miljun ewro għal dawk li spiċċaw imwaħħla Dellimara. Forsi wara dawk, imiss lilna.”

Karikatura b’referenza għall-fatt li l-Konsorzju Electrogas spiċċa mwaħħal… u mingħajr il-garanzija bankarja ma kienx jingħata s-self mill-banek biex jibda jibni l-powerstation. Il-pazjenti fil-kuriduri mwaħħla wkoll – bit-tama li forsi jkun imiss lilhom li jingħataw l-għajnuna.