Lokali

Aġġornata : Tifla Maltija ta’ 11-il sena tegħreq waqt vaganza mal-familja fl-Awstrija

Vaganza tant mistennija tas-sajf għal familja Maltija, nbidlet fi trawma meta waħda mit-tfal li għandha ħdax-il sena – spiċċat tilfet ħajjitha meta għerqet ġewwa xmara.

Jirriżulta li t-traġedja seħħet nhar is-Sibt li għadda meta l-familja, fosthom iż-żewġt itfal – marru għal passiġġata ma’ parti mix-xmara li hemm f’Hellerback fir-reġjun ta’ Salzburg ġewwa l-Awstrija.

Jidher li f’xi ħin dawn infirdu minn xulxin u baqgħu jżommu kuntatt ma’ xulxin permezz ta’ walkie-talkie. Jidher li waqt li l-kuntatt bejniethom kien wieħed kontinwu, f’ħin minnhom waranofsinhar, dan il-kuntatt inqata’ u l-missier, reġa’ lura flimkien mal-mara biex ifittxu lil binthom. Madankollu ma kellhom l-ebda riżultat pożittiv u għalhekk iddeċiedew li jsejħu l-għajnuna tal-Pulizija tar-reġjun li fi ftit tal-ħin marru fil-post biex jgħinu fit-tiftix.

Fil-ħidma ta’ tiftix bdew jgħinu mhux biss Pulizija minn fuq l-art, iżda wkoll oħrajn permezz ta’ opri tal-baħar biex iduru l-inħawi tax-xmara fejn it-tfal kienu qed jilagħbu u jippassiġġaw.

F’mument minnhom fiż-żona ntalab jgħin fit-tiftix ukoll ħelikopter. F’waqt minnhom f’parti tax-xmara nstabu xi oġġetti li kellha magħha t-tifla, fosthom umbrella.

Wara dan, il-biża’ li din it-tifla kien ġralha xi ħaġa serja kompliet tikber, filwaqt li komplew it-tfitxijiet, il-ġenituri bdew jsejħula u jgħajtula b’mod ripetut iżda ma kellhom l-ebda tweġiba min-naħa ta’ binthom.

Jirriżulta li ftit tal-ħin wara li kienu nstabu xi oġġetti tagħha, il-Pulizija lemħu fil-wiċċ tax-xmara lit-tifla li ttellgħet l-art u saret kull ħaġa possibbli biex tkun salvata ħajjitha, iżda l-isforzi kollha li saru kienu fin-negattiv u ma taw l-ebda riżultati pożittivi. It-tifla nġarret mill-ilma minn tal-anqas 800m.

Il-Pulizija fl-Awstrija qed timxi mal-probabbilta’ li t-tifla probabbilment li kienet żelqet fix-xmara, belgħet ammont ta’ ilma u mietet fgata fix-xmara.

Kienu mumenti ta’ kommozzjoni u dwejjaq kbar dawk tal-ġenituri jaraw lill-binthom titlef il-ġlieda mal-ħajja bil-forzi tal-ordni u l-paramediċi jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isalvawha, iżda ma jirnexxielhomx jagħmlu dan.

Il-Pulizija fl-Awstrija żammew il-katavru tat-tifla fil-pussess tagħhom biex jagħmlu awtopsja fuq il-ġisem tagħha biex ikunu stabbiliti b’mod preċiż ir-raġunijiet kollha li wasslu għall-mewt tagħha. Il-koppja kienet fi stat ta’ xokk kbir u wħud mill-familjari saħansitra kellhom jingħataw kura medika.

Dan l-istazzjon jinsab infurmat li t-tifla, se tindifen fl-Awstrija stess, għax xtaqet li tmur tgħix hemmhekk.

tifla maltija 1

tifla awstrija 2