Ieqaf, u tħares madwarek, u ara kif aktarx li m’int qed tara lil ħadd jaqra l-gazzetta, imma l-maġġoranza qegħdin iteftu fil-mowbajl jew moħbijin wara kompjuter, jaqraw fir-realtà, il-qari tal-‘ejja-ħa-mmorru’ li ġabet magħha din it-taqliba teknoloġika u l-introduzzjoni oppressiva tal-midja soċjali l-aktar facebook.
Inħossni diżappuntat għal kollox meta nara kif il-ktieb f’idejna qiegħed imut mewta li ma jixraqlux u ma jistax imut. Il-qari fost il-maġġoranza sar biss konvenjent, biex nissindika ‘l dik u ‘l oħra u nara fejn marru, kif marru, ma’ min marru u għaliex… ġeneralmemt ukoll miktub b’doża ta’ Malti li ma jagħrafx l-ortografija bħala r-regola ewlenija għall-kitba.
Xi wħud il-qari huwa biss mill-mowbajl, jew minn xi nota mħanżra li jsibu fuq il-bank tal-kċina filgħodu, u ħallina niffissaw fuq l-istessi (daqslikieku ngħidu hekk minflok ‘selfie’ sejra tagħmilna ogħna fil-Malti tagħna) li rridu nieħdu kull żewġ minuti u nippowstjaw immedjatament.
Agħti titwila madwarek meta tkun il-baħar u ara kemm-il Malti jew Maltija tkun qiegħda bi ktieb f’idejha. Mhux hekk, minn dawk li ssib, jekk issib, agħrbilhom u ssib li dawk jaqraw il-ktieb Malti, jekk tgħoddhom fuq is-swaba’ tal-id il-leminija.
Din hija marda li issa ħakmitna u rridu niżnu sewwa x’inhu s-sintomu. Nixtieq li għandi l-ispazju biex nidħol fid-dettall u nikkumpara s-sistema edukattiva tagħna ma’ sistema li minkejja d-diffikultajiet kollha li affaċċjat għexieren ta’ snin ilu, illum kull pajjiż qiegħed jeżaminaha biex jaddottaha; qed nirreferi ovvjamnet għal dik Fillandiża.
Madankollu, meta tevalwaha sewwa tibda tifhem li s-sistema edukattiva li tant qiegħda ġġib suċċessi – bħal fil-PISA (Programme for International Student Assessment) – mhi kkumplikata xejn imma tinżamm fuq żewġ pilastri influwenti li nbniet fuqhom: l-ewwel l-istima li l-għalliema għandhom u t-tieni fuq l-idea li ‘titgħallem kif taqra, biex taqra ħa titgħallem’.
Hawn immur lura għall-argument li ftaħt bih, li inizjarjament qanqalhuli Ġorġ Mallia, li għal 9 snin kien iċ-Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. F’post fuq facebook (għax anke jien nużah!) jirrimarka li l-Iskandinavja hija miżgħuda b’nies jaqraw; fuq il-bankijiet f’ġonna pubbliċi, fuq il-karozza tal-linja, fuq il-ferrovija u saħansitra waqt li jdawru l-klieb.
Fl-istess post jenfasizza fuq punt kruċjali li l-politika tagħna bħala nazzjon għandha tiżen tassew. Nasal ngħid li b’ton ixaqleb kemxejn lejn id-diqa, jinnota li tul dawk id-9 snin, minkejja kull sforz sabiex il-ktieb jingħata spinta ‘l quddiem, il-poplu Malti jibqa’ għażżien għall-qari.
Dan il-post ġabni ftit f’sensija, u bdejt nixtarr sewwa kliemu, li biex inkunu onesti għal kollox, il-Gvern attwali qiegħed jagħmel diversi programmi edukattivi biex jindirizza din il-problema. Mingħajr ma nidħol fid-dettalji, il-programmi ‘Aqra Miegħi’ li f’sena laħaq lil aktar minn 10,000 tifel u tifla u ‘l fuq minn 12,000 ġenitur huma fost l-aktar li nistgħu nikkunsidraw bl-ewwel fażi lejn il-ġlieda kontra l-apatija għall-qari.
Imma lil hinn minn hekk inħoss li qed naffaċċjaw problema akbar li ma rridux nammetuha. Irridu nirrikonoxxu, u mingħajr ma nkun la politiku u lanqas suġġettiv hawnhekk, li l-ktieb f’idejn l-għalliem lanqas mhu komuni. Xi snin ilu, għalliem tal-Malti kien ħasadni b’kumment li la nista’ qatt nifhem u wisq aktar naċċetta. Fil-fatt kien afferma li kemm ilu jgħallem – u dik il-ħabta kien ilu ‘l fuq minn 10 snin – qatt ma qara ktieb! U hawn hu l-qofol tal-problema!
L-imħabba imma aktar minn hekk l-entużjażmu għall-qari jrid ikollu post ċentrali fil-ħajja tal-għalliem li jrid ikun ambaxxatur tal-qari fil-klassi. X’qegħdin nagħmlu biex ikollna l-aħjar għalliema possibbli fil-klassijiet tagħna? Meta ser inkunu kompettitivi u nħallu barra lil dawk li mhumiex adegwati u konxji mill-importanza li jkunu sinkronizzati mal-aktar ingredjent fundamentali fl-edukazzjoni skont il-Fillandiżi, il-qari? Nistgħu qatt nibqgħu naraw għalliema jgħaddu mill-korsijiet tagħhom daqslikieku kulħadd kapaċi jgħallem?
Minn ftit statistika li fittixt, l-istess Fillandja, l-għalliema huma fost l-aħjar professjonisti li tista’ ssib. Fl-2010, minn 6,600 applikant għall-kors universitarju tal-għalliema kienu biss 600 li ġew aċċettati għax l-għalliema huma magħżula mill-aħjar 10% tal-iggradwati fl-universitajiet tagħhom.
Għalkemm mhux qiegħed niġġeneralizza, għaliex jiena wkoll professjonist edukattiv, kull min hu involut jaf li għandi raġun, u qabel ma nkunu lesti li ntejbu għal kollox il-kundizzjonijiet tal-għalliema biex nattiraw l-aħjar minn fost l-aħjar, se jibqa’ jkollna għalliema li jgħallmu l-Malti imma ma jaqrawx, se jibqa’ jkollna għalliema li jiktbu Malti mbiċċer fuq il-facebook tagħhom jekk mhux ukoll fil-klassi u minflok indeffsu wiċċna fil-ktieb inkomplu ngħaddsu ‘l isfel.
Kemm għadna lura mill-medja ta’ 21 ktieb fis-sena misluf mil-libreriji pubbliċi għal kull persuna fil-Fillandja! Anke l-Flimkien li jasal wara kull bieb jibqa’ hemm fuq l-għatba jitqarqaċ bix-xemx, aħseb u ara l-ktieb jongħos fil-librerija!
//= $special ?>