Numru kbir ta’ persuni qed jilmentaw dwar ħsarat u danni minħabba ħofra kbira fi Triq l-Imdina Ħ’Attard.
Fost dawn, il-kantata popolari Ira Losco li fuq Facebook esprimiet rabja wara ħsarat f’tyre tal-karozza tagħha minħabba din il-ħofra. Ira Losco kitbet li bl-impatt tal-karozza fil-ħofra, hi u l-għarus tagħha ħabtu rashom. “Immaġinaw kieku kien hemm tifel bilqiegħda fuq wara,” żiedet tgħid Ira Losco.
Ritratt: Fuq Facebook il-kantata Ira Losco ilmentat dwar din il-ħofra
Wara l-kummenti ta’ Ira Losco, kienu numru kbir ta’ persuni li wkoll ilmentaw li spiċċaw b’ħsarat fil-karozzi tagħhom minħabba l-istess ħofra.
Iżda fost din ir-rabja ta’ numru kbir ta’ xufiera, fi stqarrija Transport Malta sempliċiment appellat lis-sewwieqa biex isuqu bil-galbu u b’veloċita’ baxxa tul il-parti ta’ Triq l-Imdina fejn hemm il-ħofra.
Fl-istqarrija Transport Malta qalet li x-xogħol f’din it-triq ma kienx ikkummissjonat minn Transport Malta u li l-kuntrattur kiser diversi kundizzjonijiet tal-permess. Transport Malta qalet li sal-lum ħarġet numru ta’ notifiki u penali filwaqt li staqsiet biex il-kundizzjoni tat-Triq tiġi ratifikata.
Ritratt: il-parti fi Triq l-Imdina fejn hemm din il-ħofra, mmarkata bl-aħmar
Minn risposta li ta s-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina fuq Facebook, jirriżulta li x-xogħlijiet kienu kummissjonati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fil-kumment tiegħu, is-Sindku ta’ Ħ’Attard qal li l-Kunsill informa lill-Korporazzjoni “bis-sitwazzjoni xejn pjaċevoli u biex jittieħdu l-passi kollha neċessarji.”
Fost dawn, ikompli jikteb is-Sindku ta’ Ħ’Attard, biex ma jkunx hemm aktar sewwieqa li jsofru ħsarat fil-vetturi tagħhom, biex ma jkunx hemm inċidenti fatali u biex dawk is-sewwieqa li sofrew xi ħsara jiġu kkumpensati. Qal ukoll li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel minn kollox biex tissolva s-sitwazzjoni.
Ritratt: ir-risposta tas-Sindku ta’ Ħ’Attard dwar l-inċidenti kawża ta’ din il-ħofra
//= $special ?>