Dalgħodu, jidher li Gaffarena ġibed l-ispaga għax il-Partit ta’ Muscat, fid-difiża solita tiegħu, ħareġ stqarrija jiddefendi l-iskandlu li għamel lil Gaffarena multi-miljunarju mil-lum għall-għada minn flus il-poplu Malti u Għawdxi, fl-istess waqt li attakka lil individwi li jridu l-verità toħroġ dwar dan l-istess skandlu.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, f’isem ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, li nnota kif il-Partit Laburista jidher, iżda, li ma ndunax jew għażel li jinjora it-tweġiba li tant kien ħerqan għaliha fl-istqarrija ta’ dalgħodu, li ġiet ippubblikata fil-faċċata tal-lum tal-ġurnal tal-GWU.
Fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Laburista qal li l-propjetà in kwistjoni f’Tas-Sliema hi l-istess waħda li l-Gvern ta’ Muscat ta lil Gaffarena bħala parti mid-deal skandaluż ta’ Strada Zekka. L-istqarrija tal-Partit Laburista tikkonferma li tant kemm hu ħaġa waħda ma’ Gaffarena li fl-istqarrijiet tiegħu, il-Partit ta’ Muscat spiċċa jiżvela fatti ġodda dwar Gaffarena. Tikkonferma wkoll, jekk qatt kien hemm bżonn, kemm hu l-Partit Laburista, u mhux il-Partit Nazzjonalista, li jindiegħes ma’ Gaffarena u jagħtih kulma jrid.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li dan l-eżempju jibni fuq dak tal-pompa tal-petrol illegali f’Ħal Qormi għax minkejja kull attenat li Gaffarena għamel fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma kienx ħareġ il-permess għal din il-pompa tal-petrol. Madankollu, malli Muscat sar Prim Ministru u żamm il-MEPA taħt idejh, il-permess ħareġ minnufih.
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li dwar l-iskandlu ta’ Gaffarena, Joseph Muscat għandu jilqa’ t-tmien sfidi li għamillu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Iżda għax hu dgħajjef, minflok jiġġieled il-korruzzjoni, Muscat qed jiddefendiha. Mhux ta b’xejn li dan il-Gvern, immexxi minn Joseph Muscat, hu l-aktar gvern korrott minn żmien Mintoff u Lorry Sant, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

