Lokali

Il-Front Ħarsien ODZ jitlob għal trasparenza fl-istudju dwar l-impatt soċjali fuq l-iżvilupp tal-Kampus tal-Università fil-Kottonera

Il-Front Ħarsien ODZ qed jitlob għal trasparenza sħiħa fl-istudju dwar l-impatt soċjali fuq l-iżvilupp tal-Kampus tal-Università fil-Kottonera, filwaqt li jinsisti li l-Gvern għandu jieħu l-impenn li ma jiżviluppax art ODZ, kemm fil-Kottonera kif ukoll f’Marsaskala.

Fi stqarrija, il-Front qal li l-impenn ċar li se tintuża’ biss infrastruttura eżistenti, u li mhux se tintuża’ ebda art ODZ biex fuqha tinbena l-Università hu l-uniku mod kif il-Gvern juri li qed jisma’ u jagħti kas ta’ dak li qed tgħid is-soċjetà ċivili.

Il-Front Ħarsien ODZ qed isejjaħ lill-Gvern jippubblika kull informazzjoni dwar liema siti fil-Kottonera u f’Marsasakala qed jiġu kkunsidrati, kif ukoll kull informazzjoni dwar x’infrastruttura tkun meħtieġa biex isir l-iżvilupp.

Insista wkoll li l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Iżvilupp jiltaqa’ wara s-Sajf biex jiddiskuti s-siti li qed jiġu kkunsidrati.

Dawn għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma’ rapport professjonali mħejji minn esperti f’oqsma varji u mid-Direttorat tal-Ambjent tal-MEPA, sostna l-Front, bl-istqarrija ttemm tgħid li l-Front ma joġġezzjonax għal żvilupp fiż-żona fejn jista’ jsir żvilupp sakemm dan ma joħroġx bżonn ta’ infrastruttura u toroq barra miż-żona tal-iżvilupp u siti protetti oħrajn.