IN-NAZZJON jirrapporta l-intervista li saret ilbieraħ mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fuq Radio 101 li matulha stqarr li l-konsegwenzi tal-irresponsabbilta’ ta’ Joseph Muscat se jibqgħu magħna fit-tul. Hu kien qed jitkellem dwar kif Muscat se jorbot lil Malta għal 20 sena biex tixtri l-elettriku mill-konsorzju Electrogas u l-garanzija bankarja ta’ €360 miljun mit-taxpayer Malti lil konsorzju privat. In-Nazzjon jirrapporta wkoll dwar eżodu ta’ fizzjali mill-Korp tal-Pulizija minħabba li tilfu kull fiduċja fil-mod ta’ kif qed isiru l-affarijiet.
TIMES OF MALTA jiddedika parti kbira mill-ewwel faċċata għal intervista mal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Gvern, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia li fl-aħħar sigħat ħabbar li kellu kanċer aggressiv fil-prostata. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar l-eżami biex il-kaċċaturi jiksbu l-liċenzja. Il-ġurnal jiżvela li l-karta tal-eżami fl-aħħar sessjonijiet kienet identika, inklużi fir-“resits”
THE MALTA INDEPENDENT jirrapporta dwar l-inċident tal-bieraħ fejn il-Pulizija qabdu żewġt irġiel fil-bini tal-Parlament. Fl-ewwel faċċata wkoll, il-ġurnal jkompli jsegwi l-istorja tat-tkeċċija tal-eks direttur tad-Dipartiment tan-nursing. F’din l-istorja, l-eks Ministru tas-Saħħa Godfrey Farrugia ċaħad li d-direttur tneħħiet b’mod vendikattiv.
L-ORIZZONT jiddedika l-ewwel faċċata għall-aħħar preparamenti sabiex jitfakkar l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir. Il-ġurnal jirrapporta li jaslu Malta numru ta’ esibiti internazzjonali iżda mhux l-armi, fosthom ix-xabla, li kellu l-Gran Mastru tal-Ordni, Jean de La Vallette. Fl-ewwel faċċata wkoll, l-Orizzont jippubblika t-tweġiba tad-Deputat Jason Azzopardi b’rabta ma’ storja tal-istess ġurnal dwar l-iskandlu Gaffarena. It-tweġiba waslet għand il-ġurnal is-Sibt iżda tħalliet barra “bi żvista”
//= $special ?>