Waqt proċess tal-verifika li kien qed isir fil-Malta Freeport Corporation ħareġ biċ-ċar kemm il-Management tal-Korporazzjoni trid tkompli taġevola lill-GWU.
Dan qalitu fi stqarrija l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li fakkret ukoll kif it-tmexxija tal-Freeport ħalliet Uffiċjal tal-GWU barra fil-kurituri waqt il-proċess tal-verifika. Qalet li din ma kinitx l-ewwel darba li l-UĦM ipprotestat kontra l-aġir ċar tal-Management tal-Freeport u li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex jaġevola lill-GWU f’rikonoxximent ta’ dan il-post tax-xogħol.
Il-UĦM kompliet li mill-elezzjoni ġenerali ‘l hawn, il-Gvern permezz tal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, saħansitra żied l-impjegati fil-Freeport b’aktar minn 16% tal-ħaddiema preżenti. Dawn il-ħaddiema kellhom struzzjonijiet ċari biex flimkien jaħdmu ħalli tkun rikonoxxuta l-GWU.
Minħabba f’hekk, il-UĦM ipprotestat immedjatament dwar dan l-aġir u mhux se tkompli tipparteċipa fil-proċess. Fl-istqarrija, il-UĦM qalet li b’hekk trid turi b’mod ċar kemm il-Gvern u l-GWU huma “mgħannqin ma’ xulxin”, kif ukoll li aktar ma jgħaddi ż-żmien, l-espressjoni “tista’ ma taqbilx magħna iżda tista’ taħdem magħna” għadha wisq ‘il bogħod.
//= $special ?>

