Lokali

Periti mid-Dipartiment tal-Artijiet żaru Palazzo Verdelin għal stima tal-valur

Bejn Frar u April li għadda, żewġ Periti mid-Dipartiment tal-Artijiet żaru diversi drabi Palazzo Verdelin fil-Belt bil-ħsieb li jagħmlu rapport ta’ stima tal-valur għal din il-propjetà, li tinsab biswit Pjazza San Ġorġ.

Il-ġurnal The Times of Malta żvela dawn iż-żjarat, li jgiddbu għalkollox l-istqarrijiet minn esponenti tal-Gvern li ma kellux intenzjoni li jixtri l-Palazz, li bħalissa qed jospita l-Għassa tal-Pulizija tal-Belt.

Il-ġurnal żvela wkoll email bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern Kevin Mahoney u l-Ministru Carmelo Abela, fejn il-Ministru ntalab jagħti gwida politika ta’ kif jista’ jinxtara l-Palazz.

Dan kollu juri l-intenzjoni tal-Gvern li jixtri l-bini mis-sidien privati, ewlieni fosthom Marco Gaffarena. Is-Segretarju Permanenti qal li l-Gvern jista’ jixtri l-propjetà direttament, iżda ta l-parir li dan ma jsirx minħabba li jinqala “għagħa fil-media”, b’referenza għall-iskandlu l-ieħor ta’ Gaffarena, li sar miljunarju bil-propjetà fi Triq Zekka.

Sadanittant, fi stqarrija f’isem ix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista qal li jidher li Gaffarena ġibed l-ispaga u Muscat qed jiddefendih.