Dawk kollha li se jattendu għall-festa ta’ San Pawl fil-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl f’Ħal Safi, din is-sena ser ikunu jistgħu jaraw ir-riżultat ta’ sena ħidma ta’ restawr fuq l-vara titulari.
Din il-vara tnaqxet fl-injam minn Alessandro Farrugia fl-1842 u tlestiet madwar tlett snin wara. Issa, ftit snin qabel jiġi mfakkar il-175 anniversarju ta’ din l-istatwa, il-kumpanija Atelier del Restauro tal-Mosta, taħt l-idejn ta’ Valentina Lupo u Maria Grazia Zenzani, ħadu ħsieb joħorġu mill-ġdid id-dehra oriġinali ta’ dan il-kapolavur artistiku.
Il-proċess li nbeda wara l-festa tas-sena li għaddiet kien jinvolvi ħafna studju u osservazzjoni, kemm tal-istatwa kif ukoll tan-niċċa. Sar ukoll restawr fuq il-pedestal.
Il-pedestal li nħadem minn Emmanuel Buhagiar fl-1933 meta l-artist kien fl-aqwa tiegħu, huwa eżempju eċċellenti ta’ surmast tal-arti dekorattiva tas-seklu għoxrin. Dan il-pedestal ukoll saru fuqu interventi ta’ preservazzjoni mill-istess kumpanija.
Kollox huwa mħejji biex nhar l-20 ta’ Awwissu l-vara terġa tiġi milquha lura f’Ħal Safi bi programm imħejji apposta fejn ser ikun hemm quddiesa fis-6pm u wara l-wasla tal-istatwa fis-7pm. Ser ikun hemm ukoll s-sehem tal-Banda San Pawl Safi kif ukoll ħruq ta’ salut mill-Għaqda Piroteknika San Pawl Safi.
Il-festa f’Ħal Safi tibda uffiċċjalment it-Tnejn 24 ta’ Awwissu bil-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier. Fil-25 ta’ Awwissu ser ikun hemm ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni tar-restawr tal-istatwa u tal-pedestal animata mill-kant tal-Kor Sine Macula fis-7pm.
Il-qofol tal-festa tintlaħaq is-Sibt 29 ta’ Awwissu bi spettaklu ta’ Nar tal-Art fil-bypass ta’ Ħal Safi, fejn huma mistennija xi sorpriżi wkoll. Il-Ħadd 30 ta’ Awwissu jkun hemm il-quddiesa u l-paniġierku fid-9am filwaqt li fis-7.30pm toħroġ il-purċissjoni fit-toroq tal-lokal.
//= $special ?>