Żewġ sewwieqa ta’ muturi weġġgħu u ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex wara inċident tat-traffiku li seħħ fir-Rabat Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4pm fi Triq Ġorġ Borg Olivier. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li fl-inċident kienu nvoluti karozza u żewġ muturi. Iż-żewġ muturi li huma tat-tip Honda kienu misjuqa minn raġel ta’ 47 sena residenti r-Rabat Għawdex u raħel ta’ 26 sena residenti n-Nadur. Mal-impatt intlaqtet karozza tat-tip Opel Corsa li kienet ipparkjata.
Fil-post issejħu l-Pulizija li kkontrollaw it-traffiku u tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li ta l-ewwel għajnuna liż-żewġ sewwieqa tal-muturi.
Huma ttieħdu l-Isptar għal aktar kura. Is-sewwieqa ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>