It-tliet Kunsillieri Nazzjonalisti f’Santa Venera ħarġu ‘l barra mil-laqgħa tal-Kunsill tal-bieraħ bi protest minħabba li s-Sindku Stephen Sultana u s-Segretarju Eżekuttiv allegatament wettqu numru ta’ vjolazzjonijiet għal-Liġi tal-Kunsilli Lokali.
Il-kwistjoni bdiet meta l-ġimgħa li għaddiet issejħet laqgħa tal-Kunsill, b’email li ma intbgħatx fiż-żmien stipulat ta’ ħamest ijiem. Għalhekk, il-kunsillieti Nazzjonalisti talbu li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jintervjeni – iżda l-Kunsill Laburista minn naħa tiegħu naqas milli jiċċara din il-materja mad-Dipartiment.
Jirriżulta li din ma kinitx l-ewwel darba li l-laqgħa tal-Kunsill ta’ Santa Venera issejħet b’dan l-istess mod.
Qabel ma ħarġu ‘l barra bi protest, il-kunsillieri Nazzjonalisti provaw iressqu mozzjoni sabiex b’mod uffiċjali fil-minuti jitniżżel li kienu s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv li naqsu milli jikkonsultaw mad-Dipartiment tal-Kunsill Lokali dwar dan in-nuqqas, u l-fatt li l-pre-avviż tal-laqgħa ma ħariġ fi żmien ħamest ijiem.
Minn naħa tiegħu, is-Sindku Stephen Sultana ried jagħlaq id-dibattitu hu qabel jittieħed vot fuq din il-mozzjoni.
Meta l-kunsillieri Nazzjonalisti talbu biex il-laqgħa tiġi sospiża għal ftit minuti sakemm tiġi konsultata l-Liġi, is-Sindku ma aċċettax. U kien hawn li t-tliet kunsillieri ħarġu ‘l barra mis-Seduta.
Wieħed irid jirrimarka li l-laqgħa tal-Kunsill kompliet bil-kunsilliera tal-PL kollha baqgħu preżenti.
Azzjonijiet ripetuti mis-Sindku
Din l-attitudni tas-Sindku Laburista f’Santa Venera mhix xi ħaġa li bdiet fl-aħħar jiem. Il-Kunsillieri Nazzjonalisti ilhom xhur jiġu injorati, tant li l-interventi tagħhom qas biss ikunu mniżżla fil-minuti tal-laqgħa.
It-tliet Kunsillieri Nazzjonalisti jilmentaw ripetutament b’partiġġjaniżmu, nuqqas ta’ rispett u attakki personali kontra l-minoranza.
Hemm ukoll ilmenti pendenti li tressqu fl-aħħar ġimgħat mill-Kunsillieri Nazzjonalisti u li qatt ma sar xejn dwarhom.
Dan is-sit huwa infurmat li l-Kunsillieri Nazzjonalisti qed jilmentaw ukoll minħabba nuqqas ta’ trasparenza, partikolarment fejn jidħol ix-xogħol ta’ €84,000 fuq toroq.
//= $special ?>