Lokali Qorti

Filmat: L-eks Teżorier tal-PL jitressaq il-Qorti; Joe Sammut iwieġeb mhux ħati

L-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrieh meta qed jiġi akkużat li ħoloq kumpaniji fittizji għal barranin bil-għan li dawn jakkwistaw residenza f’Malta.

Sammut tressaq il-Qorti għall-ħabta tal-11 ta’ dalgħodu u kien qed jiġi investigat mill-Pulizija dwar rapporti li kien qed jgħin Libjani biex jakkwistaw permess għal residenza f’Malta permezz t’attivitajiet illegali u billi joħloq kumpaniji fittizji.

Fost ix-xhieda kien hemm persuna li qalet li għandha kumpanija medika fi Tripli u li beda biex jibda jwaqqaf kumpanija f’Malta biex jimporta u jesporta apparat mediku. L-istess xhud qal li applika għal permess ta’ residenza u staqsa għad-dokumenti fl-uffiċju ta’ Joe Sammut. Spjega li biex ikollu kumpanija bilfors kellu bżonn permess għar-residenza u kien hawnekk li Joe Sammut beda jassistieh.

“Kollox kien preparat mill-uffiċju ta’ Joe Sammut fil-Belt u għal dan is-servizz ħallast €2,000 lir-rappreżentant ta’ Joe Sammut”, qal dan ix-xhud.

Il-każ kollu hu dwar sistema li l-eks Teżorier Laburista Joe Sammut kien qed juża, fejn bi ħlas ta’ 7,500 Ewro kien qed jirreġistra kumpaniji fittizji għal Libjani maħrubin. Dan peress li meta wieħed joħloq kumpanija f’Malta, awtomatikament ikollu dritt għall-permess tar-residenza. B’dan il-mod, kien rappurtat li Joe Sammut ħoloq mat-850 kumpanija, jiġifieri 850 barrani li ngħataw permess ta’ residenza f’Malta wara allegat proċessi irregolari min-naħa ta’ Joe Sammut.

Fl-aħħar ġimgħat il-ġurnal The Malta Independent on Sunday qal li fi ħdan il-Partit Laburista għaddej dibattitu dwar x’għandu jkun il-pass li jmiss tal-Partit Laburista f’dan il-każ li fi kliem The Malta Independent, mistenni li jfeġġu dettalji ġodda u ikkumplikati aktar minn qatt qabel dwar il-Partit Laburista u l-Bank of Valletta.

Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba għal ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €15,000.