Lokali

Il-bżonn ta’ tmexxija serja fil-Ħabs sar urġenti – il-PN

Minkejja l-wegħdiet tal-Partit Labruista li malli jitla’ fil-Gvern, id-droga mill-Ħabs tinqered għalkollox, sentejn u nofs wara għadha tinstab id-droga fiċ-ċelel tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, fejn ingħad li żviluppi bħal dawn jikkonfermaw kemm il-Partit Laburista falla fil-wegħda tiegħu u anke li hu urġenti li l-bniedem li jmexxi l-Ħabs ikun wieħed serju.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-bniedem maħtur minn dan il-Gvern biex imexxi l-Ħabs, Ray Zammit, mhuwiex denju ta’ dan ir-rwol wara li nstab ħati li abbuża mill-poter meta kien Aġent Kummissarju tal-Pulizija, kemm fil-cover-up tal-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia, kif ukoll meta daħal f’negozju ma’ Gaffarena waqt li kien membru tal-Korp tal-Pulizija.

Il-pożizzjoni ta’ Ray Zammit fit-tmexxija tal-Ħabs hi waħda perikoluża fid-dawl tar-relazzjoni perikoluża li teżisti bejn Kastilja, il-Pulizija u l-kriminalità, temmet tgħid l-istqarrija.