Internazzjonali

Imfakkra l-vittmi tal-isplużjonijiet fi Tianjin

L-awtoritajiet u r-residenti ta’ Tianjin organizzaw iċ-ċerimonji li fakkru l-memorja tal-vittmi li tilfu ħajjithom fl-isplużjonijiet kbar tal-ġimgħa l-oħra f’din il-belt tal-port fiċ-Ċina.

Sadanittant, l-esperti mad-Dipartiment għall-Kontroll tan-Nirien għadhom qed iduru u jispezzjonaw l-inħawi tal-isplużjonijiet li ħallew almenu 114 mejtin u mijiet ta’ midruba.

L-isplużjonijiet ewlenin kienu seħħew ġo maħżen fil-port u r-rapporti issa qed jgħidu li l-kumpanija li hi responsabbli mill-maħżen, sa xahrejn ilu, ma kellhiex il-liċenzja biex iżżomm il-kimika perikoluża. Dan meta qed jingħad li l-maħżen kellu fih mijiet tat-tunnellati ta’ sodium cyanide li kienu kwantità ħafna akbar milli permess bil-liġi.

L-uffiċjali fi Tianjin għaddejjin bi ġlieda mal-ħin biex ineħħu l-materjal u kimika velenużi mis-sit tal-isplużjonijiet. Skont ir-rapporti, il-kumpannija responsabbli mill-maħżen — li jisimha Tianjin International Ruihai Logistics — kienet ilha tieħu ħsieb il-materjal perikoluż għal tmien xhur mingħajr id-dokumenti xierqa. Dan meta jidher li l-kumpannija irregolarizzat is-sitwazzjoni tagħha biss f’Ġunju li għadda.

Waqt iċ-ċerimonji fi Tianjin, in-nies osservaw minuti ta’ silenzju biex jonoraw il-mejtin tal-isplużjonijiet. Dan waqt li r-residenti komplew bil-protesti, fejn qed jinsistu biex il-Gvern Ċiniż jikkumpensahom għall-ħsarat li ġarrbu djarhom b’konsegwenza tad-diżastru fil-port tal-belt.