Lokali Qorti

Infermier jammetti l-akkużi li agredixxa tfajla barranija f’Ambulanza

L-infermier li qed ikun akkużat li abbuża minn tfajla ta’ 20 sena f’Ambulanza ammetta li agredixxa lit-tfajla b’mod vjolenti, bl-iskop li jabbużaha. Fil-Qorti, l-infermier Lawrence Debono, li għandu 39 sena, minbarra li ammetta skuża ruħu għal dak li għamel. It-tfajla, ta’ nazzjonalità Iranjana, aċċettat l-apoloġija min-naħa tar-raġel.

Fis-sentenza tagħha lil Debono, li issa qiegħed taħt probation, il-Maġistrat Doreen Clarke wissietu biex jobdi l-istruzzjonijiet għas-sentejn li ġejjin, li se jingħatawlu min-naħa tal-Probation Officer. Fost dawn l-istruzzjonijiet, jista’ jkun hemm biex Debono jingħata għajnuna psikoloġika. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat ħadet nota wkoll tal-kondotta tar-raġel li kienet nadifa.

Il-każ ġara l-Ħadd li għadda, għall-ħabta tas-1.30pm, meta Lawrence Debono kien xogħol bħala infermier mal-Ambulanza li ħadet lit-tfajla l-Isptar għall-kura li kellha bżonn. Jirriżulta li waqt li t-tfajla kienet fl-Ambulanza, ir-raġel agredixxa lit-tfajla b’mod vjolenti, bl-iskop li jabbużaha fl-Ambulanza stess.