Ajruplan tal-linja Trigana Air li ġġarraf nhar il-Ħadd qalb il-ġungla fil-Lvant tal-Indoneżja nstab meqrud f’sit remot fejn dehru s-sinjali tan-nirien kbar sussegwenti.
L-ajruplan kien qed iġorr mal-54 persuna waqt titjira interna u l-aħħar indikazzjonijiet kienu li ma salva ħadd, minkejja t-tamiet inizjali.
L-iskwadri tas-salvataġġ li waslu fl-inhawi tad-debris, fl-aħħar sigħat, irkupraw il-katavri tal-vittmi minn qalb it-tifrik. Instabet anki l-kaxxa s-sewda (flight recorder) tal-ajruplan inkwistjoni tat-tip ATR42-300 ( turboprop).
L-ajruplan inkwistjoni nhar il-Ħadd kien qed itir lejn Oksibil waqt maltemp meta ġġarraf f’zona ddominata mill-muntanji, fil-provinċja ta’ Papua. Dak il-ħin kien hemm abbord mal-44 passiġġiera adulti, ħamest itfal u ekwipaġġ ta’ ħamsa; ilkoll Indoneżjani.
Ingħad ukoll li l-ajruplan kien qed iġorr l-ekwivalenti ta’ 300,000 lira Sterlina fi flus kontanti li kellhom jitqassmu lill-familji foqra taz-zona. L-awtoritajiet Indoneżjani ma qalux jekk il-flus instabux mill-pulizija, il-militar u l-esperti ċivili involuti mal-iskwadri għall-emerġenzi li waslu, s’issa, fl-inħawi tat-tiġrif.
//= $special ?>