Lokali

Kunsilliera tal-PN bi protesta kontra l-imġiba tas-Sindku

It-tliet Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista f’Santa Venera ħarġu ‘l barra bi protesta mil-laqgħa tal-Kunsill li nżammet ilbieraħ minħabba li s-Sindku Stephen Sultana u s-Segretarju Eżekuttiv allegatament wettqu numru ta’ vjolazzjonijiet għal-Liġi tal-Kunsilli Lokali.

Il-kwistjoni bdiet meta l-ġimgħa li għaddiet issejħet laqgħa tal-Kunsill, b’email li ma intbgħatietx fiż-żmien stipulat ta’ ħamest ijiem. Għalhekk, il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista talbu li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jintervjeni. Madankollu, il-Kunsill Laburista naqas milli jiċċara din il-materja mad-Dipartiment.

Meta l-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista talbu biex il-laqgħa tiġi sospiża għal ftit minuti sakemm tiġi kkonsultata x’tghid il-Liġi f’ċirkustanzi bħal dawn, is-Sindku ma aċċettax. Kien hawn li t-tliet Kunsillieri ħarġu ‘l barra mis-Seduta.

Fir-recordings tal-laqgħa tat-Tnejn, is-Sindku saħansitra jinstema’ jgħid li mhux se jiddejjaq jerġa’ jikser il-Liġi. B’hekk, il-laqgħa tal-Kunsill kompliet bil-Kunsilliera Laburisti kollha baqgħu preżenti.

Din l-attitudni tas-Sindku Laburista f’Santa Venera mhijiex xi ħaġa li bdiet fl-aħħar jiem. Il-Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista ilhom xhur jiġu injorati, tant li l-interventi tagħhom lanqas biss ikunu mniżżla fil-Minuti tal-laqgħa.

Ta’ spiss, it-tliet Kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista jilmentaw b’partiġġjaniżmu, nuqqas ta’ rispett u attakki personali kontra l-minoranza, filwaqt li numru ta’ lmenti pendenti li tressqu fl-aħħar ġimgħat mill-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista qatt ma sar xejn dwarhom.