L-arkeologu li għal dawn l-aħħar 40 sena ħa ħsieb il-wirt storiku imprezzabbli ta’ Palmyra fis-Sirja, spiċċa maqtul u mbiċċer mill-militanti tal-ISIS li kienu ħatfu kontroll tal-inħawi f’Mejju li għadda.
L-arkeologu Khaled al-Assad kien ilu xahar miżmum mill-ISIS u kien magħruf bħala wieħed mill-aktar pijunieri importanti fil-qasam tal-arkeoloġija Sirjana.
Intant, il-familja ta’ Khaled al-Assad, li kellu 81 sena, infurmat lid-Direttur tal-Antikitajiet tas-Sirja, Maamoun Abdul Karim, li al-Assad spiċċa maqtul mill-ISIS.
Hu mifhum li l-istess militanti ħanxrulu għonqu, u l-ISIS imbagħad, umiljaw il-katavru billi dendluh ma’ waħda mill-kolonni Griegi-Rumani fis-sit ta’ Palmyra.
Il-militanti tal-ISIS diġà qerdu numru ta’ siti antiki importanti fl-Iraq. Intant, hemm il-biża’ li l-inħawi ta’ Palmyra, li huma fost l-akbar ġawhar arkeoloġiċi fil-Lvant Nofsani, jista’ jmisshom l-istess destin. Palmyra hi ddikjarata wkoll bħala sit għall-patrimonju dinji mill-UNESCO.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Sirjana SANA u s-Syrian Observatory for Human Rights qed jirrappurtaw li l-militanti tal-ISIS kienu ħadu lil Asaad fi pjazza barra l-mużew ta’ belt viċin l-antikitajiet ta’ Palmyra, u hemm qatgħulu rasu barra.
Min-naħa tiegħu, Maamoun Abdul Karim qal li l-ISIS kien ipprova jikseb l-informazzjoni mingħand Asaad rigward fejn setgħu jsibu wħud mill-aktar teżori sinifikanti ta’ Palmyra. Dan meta t-teżori kienu nħbew biex ma jisfawx fil-mira tal-vandali, fost l-inkwiet li l-fanatiċi għad jistgħu jeqirduhom.
Fl-aħħar xhur, l-Armata tas-Sirja stinkat biex tkeċċi lill-ISIS minn Palmyra u ddominaw il-battalji ħorox fil-bliet tal-madwar.
//= $special ?>