Il-Pulizija Torka f’Istanbul arrestat żewġ persuni wara li nstema’ sparar barra l-famuż Palazz ta’ Dolmabahce, li jinkorpora l-uffiċini tal-Prim Ministru tat-Turkija.
L-aħħar rapporti qalu li pulizija weġġa’ ħafif fl-attakk u li l-qawwiet tas-sigurtà kienu qed ifittxu suspettat ieħor. Il-palazz inkwistjoni, li hu attrazzjoni ewlenija għat-turisti, jinsab fis-distrett ta’ Besiktas, man-naħa Ewropea ta’ Istanbul. Mustapha Kemal Ataturk, il-fundatur tat-Turkija moderna, kien miet f’dan il-palazz fl-1938.
Meta seħħ l-attakk tal-bieraħ, il-Prim Ministru tat-Turkija, Ahmet Davutoglu, kien għaddej bl-impenji tiegħu fil-belt kapitali Ankara.
Aktar tard, stqarrija mill-Uffiċċju tal-Gvernatur ta’ Istanbul qalet li l-aggressuri kienu membri ta’ grupp terroristiku, u li dawn, fit-8 ta’ Awwissu, kienu attakkaw il-kwartieri ġenerali tal-Partit AK (fil-Gvern) fl-istess belt.
It-Turkija ilha fuq stat ta’ allert mindu x-xahar li għadda bdiet l-offensiva doppja mill-ajru kontra l-militanti tal-ISIS fis-Sirja u kontra l-bażijiet tar-ribelli Kurdi tal-PKK fit-Tramuntana tal-Iraq.
//= $special ?>