Delegazzjoni tal-Bank of Valletta, immexxija miċ-Chairman John Cassar White, fil-jiem li ġejjin se jkollha laqgħat mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fi Frankfurt. Fuq l-aġenda hemm miżuri għal governanza aħjar u deċiżjonijiet riċenti li jidhru li dgħajjfuha.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Malta Independent wara li fl-aħħar xhur, il-Bank Ċentrali Ewropew ilmenta dwar il-qagħda tal-governanza tal-BOV. Fost oħrajn, mistennija tkun diskussa d-deċiżjoni li jagħti self lill-konsorzju Electrogas b’garanzija tal-Gvern ta’ €88 miljun, li issa telgħet għal €360 miljun, kif ukoll is-self mhux garantit li l-BOV ta lill-Air Malta biex tindirizza diskrepanzi fil-hedging tal-fuel.
Sadanittant, issa feġġet ukoll l-istorja tal-eks Teżorier u eks Kandidat Laburista Joe Sammut, li tressaq il-Qorti akkużat bi frodi, miżappropjazzjoni u ħasil ta’ flus, kif ukoll falsifikazzjoni ta’ dokumenti. Il-Bank ma ċaħadx li Sammut fetaħ madwar 850 kont bankarju ta’ malajr f’isem klijenti Libjani, li kienu qed japplikaw għal Permess ta’ Residenza u Passaport Malti.
Fl-isfond ta’ dan kollu, l-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-BOV ħareġ struzzjonijiet lill-Managers kollha biex ma jgħaddux informazzjoni lid-Diretturi tal-Bank stess sakemm it-talba ma tkunx għaddiet mill-Uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv.
Sadanittant, The Malta Independent irrapporta wkoll kif diversi ħaddiema jinsabu demotivati wara sensiela ta’ ċaqlieq, promozzjonijiet u ngaġġi fl-ogħla karigi tal-Bank, li għandhom xamma qawwija ta’ nepotiżmu. Fil-fatt, mill-bidu tas-sena, inħolqu diversi karigi fil-gradi ta’ Chief Officers, Executive Heads, Heads u Senior Managers, li kollha mtlew minn nies ġodda leali lejn iċ-Chairman Cassar White.
Uħud minn dawn il-karigi saħansitra mtlew minn barra l-Bank, minn nies li ġew minn Banek oħra. Dan minkejja li waqt is-sejħa interna, kien hemm ħaddiema tal-BOV stess li għandhom il-kwalifiki u snin twal ta’ esperjenza fi ħdan l-istess Bank.
//= $special ?>

