Lokali

Eluf ta’ sigaretti bil-kutrabandu maqbuda abbord dgħajsa tas-sajd Maltija

Eluf ta’ sigaretti bil-kutrabandu nqabdu fis-sigħat li għaddew minn membri mill-Forzi Armati ta’ Malta abbord dgħajsa tas-sajd Maltija.

Fi stqarrija, il-Forzi Armati spjegaw li dgħajsa tal-Armata nnutat id-dgħajsa tas-sajd taġixxi b’mod suspettuż. Kien għalhekk li s-suldati niżlu fuq id-dgħajsa, li kienet ‘l barra mill-kosta Maltija.

Wara tfittxija, nstabu l-kaxxi bl-eluf ta’ sigaretti li kienu qed jiddaħħlu b’mod klandestin. Fl-istqarrija ngħad li minħabba l-ammonti kbar ta’ sigaretti involuti, għaddew lid-dgħajsa u lill-persuni nvoluti lid-Dipartiment tad-Dwana.

Barra minhekk, il-Pulizija ntalbet tinvestiga l-każ.

(Ritratt: AFM PAO/Bdr Justin Gatt)