Għalfejn Joseph Muscat għażel li jibqa’ sieket quddiem allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata minn nies qrib il-Partit Laburista? Għalfejn Muscat, bħala Prim Ministru u Mexxej Laburista, għażel is-silenzju quddiem każ li fih il-persuna li kienet responsabbli mill-finanzjament tal-Partit Laburista tressqet il-Qorti akkużata bi frodi, falsifikazzjoni u miżapproprjazzjoni?
Kienu dawn il-mistoqsijiet fiċ-ċentru ta’ konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit u Shadow Minister għall-Intern Beppe Fenech Adami, mix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech u mit-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.
Beppe Fenech Adami saħaq li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ sieket quddiem każ li jista’ jkisser ir-reputazzjoni ta’ żewġ istituzzjonijiet importanti f’pajjiżna. Fakkar ukoll ma kien hemm l-ebda reazzjoni lanqas mill-Ministru tal-Intern Carmelo Abela, li hu responsabbli minn Identity Malta. Dan qed iwassal biex il-politiku responsabbli mill-Pulizija u l-forzi tal-ordni f’pajjiżna, minflok meta tqum problema jiġġildilha, jistaħba u jagħlaq ħalqu, saħaq Fenech Adami.
Min-naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Claudio Grech tkellem ukoll dwar is-silenzju tal-Ministru Chris Cardona, responsabbli mis-settur ekonomiku, kif ukoll tal-Ministru Edward Scicluna, responsabbli mill-qasam finanzjarju ta’ pajjiżna. Claudio Grech saħaq li hu importanti li dawn iż-żewġ Ministri jagħmlu dikjarazzjonijiet ċari biex iserrħu ras l-investituri lokali u barranin.
It-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calscione saħaq li l-aktar fattur ta’ tħassib serju hu n-nuqqas ta’ due diligence f’każ li jolqot aktar minn 800 kumpanija, li suppost daħħlu madwar 80 miljun ewro fl-ekonomija Maltija.
//= $special ?>
