Internazzjonali

It-terrorista ta’ Bangkok hu ‘parti minn network’

L-attakk ta’ jiem ilu b’bomba li qatel lil aktar minn 20 persuna fil-kapitali Tajlandiża Bangkok jidher li twettaq minn network qattiel partikulari, iżda d-dettalji għadhom ftit jew wisq imċajprin.

Sadanittant, il-Kap tal-Pulizija Tajlandiża, Somyot Poompanmoung, konvint li l-aggressur suspettat f’dan il-każ ma kienx qed jaġixxi waħdu.

L-isplużjoni tat-Tnejn ħalliet straġi kbira fis-santwarju ta’ Erawan li hu magħruf bħala post ta’ qima għall-Buddisti minbarra li hu attrazzjoni sinifikanti għat-turisti.

Il-Pulizija Tajlandiża issa qed tiċċirkola sketch dettaljat tas-suspettat ewlieni fl-attakk u dan juri raġel liebes nuċċali u t-shirt isfar. L-istess raġel inqabad fuq il-kameras tas-sigurtà waqt li kien qed iħalli basket suspettuż fl-inħawi tas-santwarju.

Aktar tard kien irrappurtat li l-Pulizija qed tittratta bħala suspettati wkoll lil żewġ persuni oħra li dehru fuq is-CCTV.

L-awtoritajiet Tajlandiżi mhumiex jagħtu daqstant informazzjoni dwar l-attakk u dwar l-aggressuri potenzjali wara l-agħar azzjoni terroristika li qatt saret fit-Tajlandja.

Madankollu, il-Kap tal-Pulizija Tajlandiż hu ċert li numru ta’ ċittadini Tajlandiżi kienu involuti u taw sehemhom fl-isplużjoni tal-bomba f’Bangkok. Issemmiet ukoll il-possibbiltà li s-suspettat inkwistjoni jista’ jkun li għandu oriġini mħallta.

Filwaqt li s-suspettat għadu ma ġiex identifikat, ħareġ xorta mandat għall-arrest tiegħu mill-Qorti Kriminali tan-Nofsinhar ta’ Bangkok. Il-mandat jakkuża lil ‘barrani mhux identifikat’ b’kumplott għal omiċidju u abbużi li jinvolvu l-armi.