Il-mod dilettantesk kif Joseph Muscat irid jintroduċi xi ħaġa daqstant sensittiva bħal fertilizazzjoni tal-embrijuni u l-użu ta’ ‘surrogate’ fl-IVF ma jitwemminx.
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija li fiha kkundanna l-istqarrija ħabta u sabta tan-Nisa Laburisti f’nofs sajf li juri l-mod kif Joseph Muscat iwettaq il-politika.
L-MNPN qal li Muscat jippreferi jistaħba wara fergħa Laburista li ma tiffunzjonax biex jipprova jimmanipula l-opinjoni pubblika minflok ma jkun onest u jgħid lill-poplu dak li verament jaħseb.
L-istqarrija tal-MNPN tkompli l-Partit Nazzjonalista kien introduċa l-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni biex jgħin koppji li kienu ffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom it-tfal filwaqt li kienet protetta l-ħajja, u r-riżultati pożittivi ta’ IVF responsabbli f’Malta grazzi għal din il-liġi jikkumparaw tajjeb ħafna ma’ ta’ pajjiżi oħra.
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista qal li jekk Joseph Muscat irid ibiddel il-liġi għandu għal darba jerfa’ r-responsabbilta’ bħala Prim Ministru u jgħid għaliex irid ibiddel il-liġi u kif se jagħmel dan.
L-MNPN staqsa fl-istqarrija jekk Joseph Muscat huwiex huwiex favur il-proċedura ta’ ‘surrogacy’ u l-fertilizazzjoni tal-embrijuni u jekk iva, jekk għandux il-kuraġġ tal-konvinzjoni li jgħid lill-poplu x’jaħseb bħala Prim Ministru.
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista qal li l-iffriżar tal-embrijuni u l-proċedura ta’ ‘surrogacy’ huma suġġetti serji b’ramifikazzjonijiet etikali kbar u li jeħtieġu konsultazzjoni pubblika profonda u mhux sempliċiment stqarrija dilettanteska f’nofs Awissu.
//= $special ?>

