Qorti fir-Russja kkundannat uffiċjal tas-sigurtà mill-Estonja għal 15-il sena ħabs b’konnessjoni ma’ spjunaġġ u numru ta’ akkużi oħra.
L-uffiċjal, Eston Kohver, kien inżamm fil-fruntiera tar-Russja f’Settembru li għadda, u l-każ tiegħu kien qajjem tilwima diplomatika.
Min-naħa tagħhom, l-Estonja u l-Unjoni Ewropea jinsistu li l-uffiċjal kien inħataf fl-Estonja. Kohver qed jgħid li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu min-naħa tar-Russja.
Is-servizzi tas-sigurtà domestiċi (FSB) tar-Russja qalu li Kohver kien involut f’missjoni ta’ spjunaġġ fit-territorju tagħha qrib iċ-checkpoint ta’ Luhamaa. Kohver hu mixli wkoll bi traffikar ta’ armi u talli kien qasam illegalment mill-fruntiera tar-Russja.
Minbarra s-sentenza tal-ħabs, il-qorti fir-reġjun ta’ Pskov (fil-Punent tar-Russja) ikkundannat lill-uffiċjal biex iħallas multa ekwivalenti għal 1,800 ewro.
Sadanittant, il-Prim Ministru tal-Estonja, Taavi Roivas, ikkundanna dan il-verdett u fissru bħala abbuż ċar u gravi tal-liġi internazzjonali.
//= $special ?>