Ġuvni ta’ 20 sena sofra ġrieħi gravi f’ħabta bejn żewġ vetturi. L-inċident tat-traffiku seħħ matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tas-2:15am fi Triq Sant’Andrija, is-Swieqi.
Fil-post, il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan sabu Ford Transit misjuq minn ġuvni ta’ 22 sena residenti Birżebbuġa fuq il-karreġġjata lejn Baħar iċ-Ċagħaq imma jħares fid-direzzjoni opposta filwaqt li fuq in-naħa l-oħra, sabu Peugeot 405 misjuqa minn ġuvni t’20 sena li joqgħod l-Imġarr.
Jirriżulta li l-vann kien fil-fatt qiegħed jinstaq lejn Pembroke u l-karozza fid-direzzjoni opposta qabel ma seħħet il-ħabta.
Iż-żewġ xufiera ttieħdu l-Isptar Mater Dei, fejn kien stabbilit li is-sewwieq tal-Ford Transit sofra ġrieħi ħfief u dak tal-Peugeot 405 sofra ġrieħi gravi.
Iż-żewġ vetturi ġarrbu ħsarat konsiderevoli.
L-investigazzjonijiet biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident tat-traffiku għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

