Internazzjonali

Ajruplani jaħbtu ma’ xulxin qabel air show fis-Slovakkja

Mietu talanqas seba’ persuni waqt ħabta fl-ajru bejn żewġ ajruplani li kienu għaddejjin bi provi qabel air show. L-ajruplani, dak il-ħin, kienu qed iġorru ftit għexieren ta’ paraxutisti ċivili li kellhom jieħdu sehem fl-ispettaklu inkwistjoni.

Mifhum li fl-inċident tilfu ħajjithom erba’ piloti u tlieta fost il-paraxutisti.

It-traġedja seħħet qrib il-belt ta’ llava, xi 150 kilometru lejn it-Tramuntana tal-kapitali, Bratislava. Qabel il-ħabta, l-ajruplani kienu qed iwettqu manuvra partikolari, bil-kawżi speċifiċi tat-tiġrif jibqgħu ma jissemmewx.

L-awtoritajiet jifhmu li kien hemm bejn 20 u 40 persuna fuq iż-żewġ ajruplani, u li 31 minnhom irnexxielhom jaqbżu bil-paraxuts miftuħin minn għoli ta’ 1,500 metru – b’ħamsa jispiċċaw isofru l-ġrieħi ħfief. It-tifrik tal-ajruplani, tat-tip L-410 (turbo-prop) instabu, fost oħrajn, qalb zona ta’ foresta qrib il-belt ta’ Cerveny Kamen.

Sadanittant, tħassar l-air show inkwistjoni li kellu jsir fi tmiem il-ġimgħa, fl-inħawi ta’ Slavnica.