Il-Front kontra it-TTIP, l-ftehim magħruf bħala dak tas-Sħubija Translatlantika ta’ Kummerċ u Investiment, qed isostni li dan it-trattat hu ta’ theddida għal deċizjonijiet mehuda demokratikament, għax jobbliga l-awtoritajiet lokali u nazzjonali eletti biex jagħtu prijorita’ l-liberta tas-suq fuq l-interess pubbliku.
Il-Front kontra t-TTIP f’pajjiżna fi stqarrija qal li parti minn dan it-trattat jinkludi l-mekkaniżmu ta’ ISDS – jiġifieri ta’ kif għandhom jiġu riżolti kwistjonijiet legali bejn stat u kumpaniji internazzjonali privati. Il-front qed isostni li t-Trattat jobbliga li dawn jiġu riżolti f’qafas ta’ arbitraġġ internazzjonali, li hu kompost minn numru ta’ avukati privati appuntati apposta li jaħdem separatament minn kull legislazzjoni nazzjonali. L-istqarrija tghid li l-ISDS huwa wieħed mil-aspetti l-aktar importanti f’dan it-trattat.
Fi kliem ieħor il-Front tas-Sħubija Translatlantika ta’ Kummerċ u Investiment qed isostni li t-ttip hu ta’ theddida ghad-demokrazija, is-sovranita’ u l-interess pubbliku. Skont il-Front it-trattat jhedded id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-konsumatur, u servizzi pubbliċi. Fil-jiem li għaddew l-għaqda Friends of the Earth Malta sostniet kif bit-TTIP Kumpaniji multinazzjonali se jkollhom id-dritt li jieħdu azzjoni kontra gvernijiet nazzjonali eletti demokratikament minghajr ma jkunu suggett għall-leġislazzjonijiet nazzjonali u dawk Ewropej.
Il-Front f’Malta Kontra t-TTIP u Friends of the Earth Malta qed jħeġġu l-gvern Malti u l-MEPs Maltin biex jiddikjaraw b’mod ċar il-pozizzjoni tagħhom fuq din il-kwistjoni. Jirriżulta li aktar minn 2.3 miljun ċittadin Ewropew diġa ffirmaw il-petizzjoni sabiex dan it-trattat jitwaqqaf.
//= $special ?>