Id-deċizjoni hija konfermata. Wara erba’ xhur sħaħ ta’ stennija, inċertizza, pressjoni mill-PN, mill-għaqdiet, minn individwi u ambjentalisti, wara l-akbar protesta ambjentali fl-istorja tal-pajjiż sa fl-aħħar, il-Gvern ħareġ bil-proposta tiegħu għall-famuża Universita’ Amerikana. Liema proposta xorta se tinkludi żvilupp fiż-Żonqor fuq art ODZ.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-PM Joseph Muscat spjega li l-kampus tal-American University of Malta se jkun mifrux fuq żewġ postijiet: Baċir Numru 1 f’Bormla u ż-Żonqor f’Marsaskala. F’Żonqor se jkun hemm tliet istituti minn ħamsa – mifruxa fuq iż-żona li qabel kienet il-pixxina, u 18-il tomna fuq art ODZ wara l-istess pixxina.
Minn din il-konferenza ħargu ukoll ħafna kuntradizzjonijiet: jidher li issa l-flus li se joħorgu Sadeen naqsu bi kważi 10 miljuni; anke l-art użata se tonqos bin-nofs ghaliex issa l-progett tal-bini se jkun għoli id-doppju – erba’ sulari.
Wieħed seta’ jinnota ukoll li n-nies ta’ Sadeen li kienu preżenti għall-iffirmar tal-ftehim mal-Gvern erba’ xhur ilu ma kienux prezenti għall-Konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru.
Joseph Muscat spjega illi l-Gvern quddiemu kellu 428 rakkomandazzjoni valida. Dawn tnaqqsu ghal 12, li gew studjati bir-reqqa. U minn dawn intgħażlu s-siti indikati. Ghalkemm l-art ODZ qatt ma kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-pubbliku u l-għaqdiet ambjentali.
Il-Prim Ministru ikkonferma li l-Gvern qatt ma ried jifrex il-kampus tal-Universita’ fuq sitt postijiet.
Konfermat ukoll li l-proġett se jolqot direttament erba’ bdiewa.
//= $special ?>

