Lokali

Front Ħarsien: ‘Żvilupp f’ODZ huwa inaċċetabbli’

Il-Front Ħarsien ODZ, li kien twaqqaf biex jopponi l-iżvilupp ta’ dik li qed tissejjaħ Universita’ Amerikana f’żona ODZ fiż-Żonqor, fi stqarrija qal li l-iżvilupp f’art ODZ jibqa’ inaċċettabbli.

Il-Front qal li b’dak li ħabbar il-Prim Ministru, xorta se jkun hemm 18-il tomna art li se tkun żviluppata fuq art ODZ. Il-Front staqsa għaliex il-Gvern ma setax għamel il-proġett kollu kemm hu fuq art diġa’ żviluppata.

Fl-istqarrija tiegħu, il-Front Ħarsien ODZ talab lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim li għandu mal-iżviluppaturi Ġordaniżi, Sadeen. Qal li mhuwiex komdu li l-Gvern ħabbar dan kollu fi żmien meta l-Parlament jinsab magħluq.

L-istqarrija tal-Front ittemm tgħid li se jibqa’ kommess li jkompli bil-pressjoni tiegħu biex il-proġett ta’ dik li qed tissejjaħ Universita’ Amerikana isir kompletament fuq art f’żona li diġa hi żviluppata.

Fi stqarrija ftit tal-ħin wara li tħabbar it-tieni verżjoni tal-proġett ta’ Muscat, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Għola, l-NCFHE, qalet li hi għadha għaddejja bil-proċess ta’ akkreditazzjoni għal dik li qed tissejjaħ bħala Universita’ Amerikana. Dan ifisser li minkejja li l-NCFHE għadha ma tatx it-titlu ta’ Universita’ lil dan il-bini tal-Ġordanizi, il-Prim Ministru xorta webbes rasu u ħareg fil-pubbliku jgħid li ttieħdet id-deċizjoni dwar il-post fejn se jsir il-bini.

L-NCFHE qalet li l-proċess tal-għazla tas-sit hu indipendenti minn dak tal-akkreditazzjoni, u li se tkun qed tikkomunika d-deċiżjoni tagħha meta l-proċess ikun tlesta.