Wara d-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li bil-garanzija bankarja ta’ €360 miljun għall-Electrogas Joseph Muscat irid isalva ġildu, din id-dikjarazzjoni saret ukoll mill-editorjal tal-ġurnal Times of Malta. L-editorjal tal-lum hu intitolat ‘Project Fired by Political Expediency’ – jiġifieri – proġett xprunat minn motivazzjonijiet politiċi.
Fl-editorjal, jintqal li meta wieħed iħares mill-qrib lejn il-garanzija bankarja, ma jifdal xejn ħlief urġenza min-naħa tal-Gvern biex jirnexxielu jwettaq il-wegħda elettorali tiegħu.
Filfatt, il-Gvern iddeċieda li jpoġġi €360 miljun minn flus il-poplu biex jagħmel tajjeb għal self li l-konsorzju Electrogas, li se jibni l-powerstation tal-gass, ingħata minn erba’ banek differetni. Il-banek ma kienux jagħmlu dan is-self kieku ma kienux flus il-poplu li qed jagħmlu tajjeb.
Il-Ministru tal-Finanzi kien qal li l-garanzija tibqa’ tgħodd biss għal 22 xahar – u sakemm il-Kummissjoni Ewropea tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-wegħda li l-Gvern għamel lill-Electrogas li se jintrabat li jixtri l-elettriku mingħandu għal madwar 20 sena sħaħ.
Iżda l-editorjal jgħid ukoll li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna ma qal xejn dwar x’se jiġri jekk il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax din il-kundizzjoni – fejn fl-liema każ, il-proġett kollu jkollu jiġi ridisinjat.
The Times tgħid li l-Gvern kellu l-għażla li jistenna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea u allura ma jkollux għalfejn jagħti l-garanzija bankarja ta’ €360 miljun – imma l-Gvern, skont the Times, fir-realta’ ma kellu l-ebda għażla oħra ladarba ried isalva ġildu fid-dawl tal-wegħda elettorali li għamel Joseph Muscat li jirriżenja jekk il-powerstation ma tkunx lesta fil-ħin.
L-editorjal itemm jgħid ċar li d-deċiżjoni tal-Gvern, li jagħti l-garanzija bankarja, hi deċiżjoni politika kif intqal ukoll mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
L-editorjal itemm jgħid li dwar dan kollu l-pubbliku qed ikun infurmat bi ftit informazzjoni – sistema li tmur kontra kull wegħdi ta’ trasparenza u kontabbilta’ li għamel il-Gvern.
//= $special ?>

