Lokali

Ħadd ma jweġġa’ meta nirien qawwija ħakmu vann f’Burmarrad

Ħadd ma weġġa’ f’nirien qawwija li ħakmu vann f’Burmarrad. Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.15am fi Triq Wied Anġlu, fejn għal xi raġuni l-vann ħa n-nar.

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li għadu mhux ċar x’wassal għal dawn in-nirien, għalkemm il-Pulizija jidher li qed jeskludu li kien hemm xi ħaġa suspettuża.

In-nirien kienu qawwija tant li kien hemm il-biża’ li jista’ jwassal għall-ħruq ta’ xi siġar fil-viċin. Madankollu, fortunatament, dan ma seħħx.

In-nar intefa’ minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li l-Pulizija qed jinvestigaw il-każ.

(Ritratt: MRTU)