Internazzjonali

Ir-Renju Unit u Franza jindirizzaw il-kriżi tal-immigranti f’Calais

Is-Segretarju għall-Intern tar-Renju Unit, Theresa May, marret f’Calais, fi Franza, fejn iffirmat ftehim Anglo-Franċiż li jindirizza l-kriżi tal-immigranti. Dan wara li ħarġu rapporti li r-Renju Unit għandu jibgħat il-pulizija tiegħu lejn il-port ta’ Calais, bl-iskop li jrażżnu l-gruppi kriminali li qed jitraffikaw l-immigranti mill-Kanal Ingliż.

L-awtoritajiet, intant, ħabbru li qed jitwaqqaf ċentru ta’ kmand li jindirizza l-kriżi tal-immigranti u li se jitmexxa mill-Pulizija Britannika u Franċiża. L-iskop speċifiku wara l-inizjattiva hu li l-awtoritajiet rispettivi jikkonfrontaw bl-aktar mod effettiv il-kriminali li qed jitraffikaw l-immigranti lejn Franza u r-Renju Unit.

Il-Home Office ta’ Londra qal li żewġ uffiċjali ewlenin, wieħed Britanniku u ieħor Franċiż, se jmexxu dan iċ-ċentru waqt li huma għandhom jirrappurtaw lura lill-Gvernijiet rispettivi.

Kelliema għall-Home Office qalu li l-hekk imsejjaħ ‘joint command centre’ li għandu jinkorpora wkoll il-Border Force tar-Renju Unit, mistenni jippermetti kollaborazzjoni akbar bejn il-pajjiżi f’dan il-qasam sensittiv.

L-indikazzjonijiet huma li hemm madwar 3,000 immigrant ikkampjati f’Calais, fejn qed jittamaw li, akkost ta’ kollox, jaqsmu bil-mezzi kollha possibbli lejn ir-Renju Unit.

Sadanittant, Theresa May żaret is-sit tal-Eurotunnel, f’Coquelles, biex tispezzjona l-miżuri tas-sigurtà fl-inħawi. Hi kienet akkumpanjata mill-Ministru Franċiż għall-Intern Bernard Cazenueve.

Meta tkellmet f’Calais, May qalet li filwaqt li hemm livell ta’ kooperazzjoni eċċellenti bejn pajjiżha u Franza biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-immigranti, jinħtieġu sforzi akbar mill-Ewropa f’dan il-qasam.