Lokali

Jitwaqqaf xogħol illegali wara intervent ta’ MaltaRightNow.com

Kien qed isir ‘grit blasting’ bla permess f’art metri biss bogħod miċ-ċentru tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin

Azzjoni illegali li kienet qed issir qrib kumpless sportiv f’Kordin twaqqfet wara li MaltaRightNow.com ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati. L-attivita’ illegali kienet qed isseħħ f’art tal-Malta Industrial Parks ftit metri biss bogħod minn fejn hemm l-istazzjon ta’ Kordin tal-Protezzjoni Ċivili.

F’din l-art kien qed isir grit blasting, jew abrasive blasting fuq ħadid ta’ dak li jidher li hu apparat minn rigg taż-żejt. Ix-xogħol li kien qed isir kien qed jikkawża storbju kbir u anke’ dħaħen mill-apparat użat, tant li dan is-sit irċieva numru ta’ ilmenti fejn ġie fid-dubju jekk ix-xogħol kienx qed isir bil-permess jew le.

Ġurnalisti ta’ MaltaRightNow.com marru fuq il-post fejn ikkonfermaw li kien qed isir ix-xogħol, kif anke jidhru ritratti li ttieħdu.

Aktar tard, MaltaRightNow.com bagħatet numru ta’ mistoqsijiet lill-Malta Industrial Parks, il-kumpanija li tagħha hi l-art fejn kien qed isir dan ix-xogħol.

Fost il-mistoqsijiet li staqsejna kien hemm jekk kien hemm il-permessi kollha skont il-liġi biex isir dan it-tip ta’ xogħol fuq din l-art u liema kuntrattur kien qed jagħmel ix-xogħlijiet. Staqsejna wkoll għal kjarifika u spjegazzjoni tax-xogħlijiet li kienu qed isiru u x’passi kienu qed jittieħdu biex ikunu kkontrollati l-istorbju u t-trab li kienu qed jirriżultaw minn dawn ix-xogħlijiet.

Għal dawn il-mistoqsijiet, il-Malta Industrial Parks fi tweġiba qalet li l-kumpanija ma kinitx taf bix-xogħol li kien qed isir qabel ma ġibed l-attenzjoni dan is-sit.

Fir-risposti tagħha, il-Malta Indutrial Parks qalet li malli saret taf bix-xogħol li kien qed isir ittieħdu l-passi kollha neċessarji biex jitwaqqaf.

Ironikament ix-xogħol li kien qed isir, u li minħabba n-natura tiegħu joħloq storbju kbir, kien qed isir ftit metri biss bogħod minn fejn hemm il-bini tal-istazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili f’Kordin.

Grid Blasting Kordin-6820

Ritratti: Martin Agius