Lokali

Joseph Muscat jibqa’ ma jweġibx

Tmien sfidi ċari, li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil għamel 11-il jum ilu lill-Prim Ministru Joseph Muscat, għadhom bla tweġiba u lanqas biss ġew ribattuti.

Simon Busuttil sfida lil Muscat jirtira l-permess tal-pompa ta’ Gaffarena, kif ukoll li jreġġa lura x-xiri tal-binja fi Strada Zekka u jintrabat li ma jixtrix aktar propjetajiet mingħand Gaffarena.

Sfidah ukoll jitlaq minn taħt idejh il-Lands u l-MEPA, kif ukoll li jieħu l-passi neċessarji kontra Michael Falzon. Sfidah jordna lill-Pulizija tmexxi kontra Daniel Zammit, kif ukoll li jordna lill-Pulizija tmexxi anke kontra ħuh, Roderick Zammit.

Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Oppożizzjoni sfida lil Muscat ineħħi lil Ray Zammit mit-tmexxija tal-Aġenzija tal-Wardens u minn Direttur tal-Ħabs.

Iżda wara 11-il jum, skiet li jtarrax mill-Prim Ministru, li għadu ma laqax dawn l-isfidi.

Fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tenna li l-mod kif qed jaġixxi Muscat mhuwiex ta’ ġellied kontra l-korruzzjoni, anzi bil-kontra, Joseph Muscat qed jidher bħala difensur ta’ min hu nvolut fi skandli.