Rapporti mit-Tajlandja qalu li nħelsu żewġt irġiel indikati bħala ‘suspettati’ fl-isplużjoni ta’ nhar it-Tnejn li qatlet 20 fil-qalba ta’ Bangkok. Dan wara li huma kienu interrogati mill-Pulizija f’din il-belt kapitali.
Intant, il-Gvern Tajlandiż naqqas sew il-probabbiltà li l-attakk b’bomba inkwistjoni (li ħalla wkoll l-għexieren tal-midruba) seta’ sar fuq l-inizjattiva speċifika ta’ xi grupp terroristiku internazzjonali bħall-Al-Qaeda. Madankollu, l-awtoritajiet, f’dan l-istadju mhumiex jeskludu għalkollox ir-rabtiet mat-terroriżmu globali, u l-investigazzjonijiet komplew.
Iż-żewġt irġiel li, fl-aħħar sigħat, kienu qed jgħinu l-istħarriġ tal-Pulizija qalu li huma jaħdmu bħala gwidi tat-turisti. L-irġiel kienu dehru fuq filmati tas-sigurtà ftit qabel l-isplużjoni tat-Tnejn fis-Santwarju ta’ Erawan, fiċ-ċentru ta’ Bangkok. Huma jidhru waqt li qed iqumu minn fuq bank ftit qabel raġel ieħor, indikat bħala s-suspettat ewlieni fl-istraġi, poġġa fl-istess inħawi fejn ħalla warajh basket misterjuż. Dan ir-raġel kien telaq mill-inħawi minuti biss qabel l-isplużjoni tal-bomba.
Intant, l-awtoritajiet qed jgħidu li l-akbar suspettat f’dan il-każ hu barrani. Il-Pulizija Tajlandiża fl-istess ħin saħqet li mill-inqas għaxar persuni huma suspettati dwar sehem fl-attakk kontra s-Santwarju ta’ Erawan, li hu attrazzjoni kbira għat-turisti. Qed jidher ukoll li l-attakk seta’ kien ippjanat tal-anqas xahar qabel twettaq.
Analisti barranin qablu li filwaqt li l-istqarrijiet tal-awtoritajiet Tajlandiżi ma jixħtu l-ebda dawl ġdid fuq l-attakk , jidhru li, ftit jew wisq, jeliminaw l-involviment dirett ta’ entitajiet terroristiċi internazzjonali. Dan fost rapporti li t-Tajlandja qed tikkonsulta mal-aġenziji għas-servizzi sigrieti tal-pajjiżi alleati.
Għaldaqstant, fadal il-possibbiltà li l-attakk twettaq minn aggressuri lokali, għalkemm m’hemm l-ebda grupp fit-Tajlandja li għandu rekord li jista’ jissuġġerixxi sehem fl-istraġi tat-Tnejn.
//= $special ?>