Indarbu għexieren ta’ nies, fosthom sitt pulizija, meta karozza-bomba splodiet quddiem bini għas-sigurtà tal-Istat, fil-belt tal-Kajr.
L-attakk, li seħħ fis-sigħat bikrin tallum, qered parti mill-bini li jinsab fl-inħawi ta’ Shubra, u l-militanti tal-ISIS, aktar tard, qalu li kienu huma li wettqu l-isplużjoni biex jivvendikaw lill-Musulmani li mietu martri. Intant, baqgħu ma daħlux rapporti dwar mejtin fl-isplużjoni qawwija li nħasset f’diversi bnadi tal-belt kapitali Eġizzjana.
Il-Kajr spiċċa kemm-il darba fil-mira għal dawn it-tipi ta’ attakki mill-gruppi tal-militanti Iżlamiċi. Hu mifhum li l-militanti li huma bbażati fit-Tramuntana tas-Sinai u li huma affiljati mal-ISIS wettqu l-parti l-kbira tal-attakki bil-bombi reċenti fl-inħawi tal-belt kapitali.
Sadanittant, l-istqarrija tar-responsabbiltà, din id-darba, ma kinitx attribwita lill-fergħa tal-ISIS magħrufa fil-Provinċja tas-Sinai iżda kellha biss logo bis-sempliċi messaġġ ‘Stat Iżlamiku, l-Eġittu’.
//= $special ?>