Internazzjonali

Tsipras jirriżenja u jħabbar elezzjoni bikrija fil-Greċja

Il-Prim Ministru tal-Greċja, Alexis Tsipras, ħabbar li qed jirriżenja waqt li sejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija li mistennija għall-20 ta’ Settembru.

Dan meta Tsipras, fl-aħħar jiem, ikkonfronta rewwixta fi ħdan il-Partit Syriza fil-Gvern fejn uħud fost id-deputati fil-Parlament opponew għall-ftehim ġdid dwar il-bailout għall-Greċja li ntlaħaq mal-kredituri internazzjonali.

Il-miżuri tal-awsterità meħtieġa għall-bailout kienu rrabjaw lil ħafna membri tas-Syriza.

Il-Greċja, issa, irċeviet l-ewwel fondi tal-emerġenza ekwivalenti għal 13 il-biljun ewro biex tkun tista’ tħallas id-dejn dovut lill-Bank Ċentrali Ewropew u tevita li tfalli mill-obbligi tagħha.

Il-pakkett għall-bailout għall-Greċja jiswa mas-86 biljun ewro fuq tliet snin, bi Tsipras, din il-ġimgħa, jaqbel li jimplimenta aktar qtugħ fis-settur tal-Istat flimkien ma’ riformi fil-pensjonijiet tal-Griegi.

Issa, Tsipras għadu kemm tkellem waqt diskors lill-pajjiż (u waqt xandira diretta) fejn ħabbar l-aħħar żviluppi. Hu sostna li ladarba waslu l-ewwel fondi mill-bailout ġdid, hu kellu l-obbligu morali li jitlob il-verdett tal-poplu.

Tsipras qal ukoll li se ‘jfittex il-vot tal-Griegi biex, ‘il quddiem, ikun jista’ jkompli bil-programm tal-Gvern tiegħu.’