Wara 48 siegħa … Muscat jibqa’ jagħżel skiet li jtarrax
Għaddew 48 siegħa minn meta l-eks Teżorier tal-Partit Laburista Joe Sammut tressaq il-Qorti akkużat bi frodi, falsifikazzjoni u miżappropjazzjoni. Iżda Joseph Muscat, kemm bħala Prim Ministru kif ukoll bħala Mexxej Laburista, qed jagħżel li jibqa’ sieket. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista dwar is-skiet itarrax ta’ Muscat quddiem allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata.
Fl-istqarrija, il-Partit Nazzjonalista fakkar li għażlu li jibqgħu siekta wkoll il-Ministri Carmelo Abela, Edward Scicluna u Chris Cardona, li huma responsabbli mill-Aġenziji u d-Dipartimenti fejn seħħew dawn l-abbużi. Sostna li l-Prim Ministru ma jistax jistaħba wara stqarrija maħruġa minn Identity Malta u allura mill-eks Kandidat Laburista Joe Vella Bonnici, li daħħal lil ħafna membri tal-familja tiegħu bħala ħaddiema fis-servizz pubbliku.
Minflok, Muscat għandu jassigura li l-istuzzjonijiet jaħdmu b’mod effettiv u ma jkunux mherrija mill-korruzzjoni. Muscat għandu jassigura wkoll li pajjiżna ma jiċċappasx bi skandli bħal dawn. U wara l-istqarrija minn Identity Malta, li qalet li l-Aġenzija tirtira applikazzjonijiet li jkunu jinkludu informazzjoni falza, l-Oppożizzjoni qed titlob lill-Prim Minsitru biex jagħmel stqarrija ċara dwar kemm il-visa u permess ta’ residenza ġew irtirati.
Filwaqt li fakkar li l-għoti tal-visas u l-permessi ta’ residenza għandhom implikazzjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-poplu Malti għandu dritt ikun jaf x’qed jiġri fl-istituzzjonijiet pubbliċi tal-pajjiż. L-istqarrija temmet tgħid li Muscat ma jistax jibqa’ sieket u jkompli jherri l-fiduċja tal-istituzzjonijiet pubblici, iżda jimpenja ruħu biex iwaqqaf il-korruzzjoni istituzzjonalizzata.
//= $special ?>

