Internazzjonali

Sparaturi bejn il-qawwiet tal-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel

Il-Korea t’Isfel ħarġet direttivi għall-evakwazzjoni tar-residenti minn zona tal-fruntiera lejn il-Punent wara li l-qawwiet tagħha u tal-Korea ta’ Fuq Komunista sparaw fuq xulxin għal darba oħra.

Qawwiet tal-Korea Komunista sparaw l-ewwel fuq taqsima militari tal-Korea t’Isfel, li, imbagħad, irritaljat bl-artillerija. Il-Kunsill tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Korea t’Isfel, fl-aħħar sigħat, kien mistenni jiltaqa’ għal sessjoni ta’ emerġenza.

Skont l-aħħar rapporti, il-qawwiet tal-Korea ta’ Fuq kienu immiraw missila lejn il-belt ta’ Yeoncheon, fil-Majjistral ta’ Seoul. Mhux eskluż li l-Komunisti setgħu kienu qed jimmiraw għal loudspeaker li kien qed ixandar messaġġi kontra r-reġim fi Pyongyang.

Il-qawwiet tal-Korea t’Isfel, intant, wieġbu għall-attakk bl-isparar fit-tul tal-artillerija lejn is-sit minn fejn ħasbu li kienet sparata l-missila. Madankollu, ma daħlux rapporti dwar xi vittmi jew ħsarat potenzjali.